“Meta fittixt isem Erin fuq l-internet, ħadt qatgħa” – ħu Lisa Maria

Kompliet il-kumpilazzjoni fil-każ ta’ Erin Tanti akkużat bil-qtil ta’ Lisa Maria Zahra.
Lisa Maria u Erin kienu rrapurtati nieqsa fid-19 ta’ Marzu ta’ din is-sena.
Aktar tard dakinhar Lisa Maria kienet ittelgħet mejta mill-Irdum ta’ Ħad-Dingli u Tanti kien instab ftit ‘il bogħod minnha.

Lisa Maria kienet waħedha fil-kamra tagħha lejliet meta mietet
Tanya Mercieca, il-kuġina ta' Lisa Maria, qalet li fit-18 ta' Marzu għall-ħabta tal-5pm irċeviet telefonata biex tmur id-dar ta' Tony Zahra li kien imsiefer.
Ħu Lisa Maria, Nick, qalilha li kien hemm raġel id-dar m'oħtu. Dakinhar Nick ried li oħtu ma tibqax waħedha d-dar u talabha biex tmur torqod għandu, iżda Lisa Maria ma riditx. Minflok riedet lil zijitha Lucy. L-aħħar darba li kienet mal-kuġina, Tanya qalet li ftit li xejn tkellmu. L-għada, Nick qal lil Tanya li oħtu ma kinitx id-dar. Meta marru d-dar fejn kienet Lisa f'San Pawl tat-Tarġa, waslu l-pulizija li ħadu lil ħu t-tfajla d-Depot. Emozzjonata, Tanya qalet li rċeviet telefonata mingħand Nick li Lisa Maria nstabet mejta.
Dwar is-sitwazzjoni f'Jannar ta' qabel, Tanya spjegat li kienet taf li Lisa Maria kienet tweġġa' lilha nnifisha. Qalet ukoll li kien hemm argument bejn it-tfajla u missierha. Għal-laqgħat li t-tfajla kellha mal-psikologu Dr Ethel Felice, Tanya attendiet għall-ewwel waħda. 
Tanya ċaħdet li kienet qisha omm it-tfajla. Sostniet li kienu jqattgħu ħin flimkien, iżda Lisa Maria kellha numru t'attivitajiet u studju ma' xiex tlaħħaq. Mistoqsija jekk ratx xi soft toys jew xugamani mtebbgħin fil-kamra ta' Lisa, Tanya qalet li ma rat xejn, iżda tiftakar li rat lil Lisa Maria titkellem fuq il-mowbajl ma' Bella, is-sieħba ta' missierha.
Ħu Lisa Maria fittex fuq l-internet fuq Erin u ħa qatgħa b'dak li sab
Fix-xhieda tiegħu, Nicholas Zahra ħu Lisa Maria qal li qatt ma għex fl-istess dar m'oħtu. Qal li oħtu qatt ma ħabbet il-matematika, iżda meta beda jistudja hu, bdiet tinteressa ruħha fis-suġġett. Meta raw lil raġel fuq il-kameras, u saru jafu li kien Erin Tanti, Nicholas fittex dwaru fuq l-internet, u ħa qatgħa meta ra l-isem tal-play li ħa sehem fiha Erin.
Ma riedx jallarma lil missieru, iżda bagħatlu imejl dwar x'kien qed jiġri. Missieru ried li ibnu u Tanya jmorru d-dar ħdejn Lisa, u li hu u Mark Ciangura l-handyman jagħmlu rapport li Erin Tanti kien raqad id-dar ma' bintu matul il-lejl. Semma li Lisa kienet qed tkun ftit impossibbli dakinhar, u li riedet lil Bella toqgħod magħha. Omm Bella, Lucy spiċċat qagħdet ma' Lisa fit-tard. Nicholas u Tanya telqu wara li għamlu dan l-arranġament.
Meta ma setgħux isibu lil Lisa, Nicholas ipprova jfittex lill-oħtu d-dar, fil-ġnien, fit-toroq tal-madwar u anke ċemplilha fuq il-mowbajl. Mistoqsi dwar ir-relazzjoni tiegħu m'oħtu, Nicholas qal li kienu jiltaqgħu nhar ta' Ħadd. Hu kien induna li kienet taqta' idha, u kien jgħidilha li se jidhru l-marki.
Dwar kemm kienet torqod għand ħuha, Nicholas qal li meta kienet iżgħar kienet torqod ħafna aktar għandu, iżda fl-aħħar sena qal ma jiftakarx kemm-il darba raqdet hemm. 
L-ispiżjar m'għarafx lil Erin Tanti fl-awla
L-ispiżjar Mario Spiteri Maempel qal li kien biegħ tliet kaxxi aspirina lill-imputat fit-18 ta' Marzu, iżda meta ġie mistoqsi biex jidentifika lil Erin fl-awla, ma setax jagħrfu. 
Il-kumpilazzjoni se tkompli fit-18 ta' Novembru fl-10am.