Aġġornata:Dalwaqt jitħabbar l-ewwel investiment tal-Enemalta barra minn Malta – PM

Il-Prim Ministru għalaq id-diskors tiegħu billi semma kif in-nies għandhom għażla bejn in-negattività tal-Oppożizzjoni u l-Gvern.
Semma s-suċċessi ta' Malta fil-Libertajiet Ċivili u temm id-diskors tiegħu billi saħaq li l-Gvern se jkompli jaħdem b'viżjoni u b'kuraġġ għal ekonomija b'saħħitha.

L-Air Malta se tkun salvata bl-għajnuna ta' sieħeb stateġiku
Il-Mexxej Laburista qal li l-linja Nazzjonali tal-Ajru l-Air Malta hija kruċjali għall-pajjiż.
Serraħ ras il-ħaddiema tagħha, li mhux se jitilfu xogħolhom, għax l-Air Malta se tkun salvata permezz ta' sieħeb strateġiku.

Bil-qasma tal-MEPA l-ambjent se jingħata aktar priorità
Dwar l-ambjent, il-Prim Ministru qal li bil-liġi ġdida tal-qasma tal-MEPA, l-ambjent se jkollu aktar priorità.
Semma, ir-riġenerazzjoni ta' Marsaxlokk u proġetti oħra fin-nofsinhar, fosthom l-Università Amerikana f'Bormla

Se jibdew xogħlijiet fuq proġetti u miżuri li jnaqqsu t-traffiku
Dwar it-traffiku, il-Prim Ministru qal li l-Gvern qed jistudja proġetti biex inaqqas il-problema tat-traffiku. Fost dawn, semma mini taħt l-art u trasport bil-baħar. 
Kompla li malli jispiċċa x-xogħol fuq Triq il-Kosta, se jkun qed jibda x-xogħol fuq proġetti li jnaqqsu t-traffiku. 
Saħaq li x-xogħlijiet għandhom jibdew isiru fiż-żmien li jkun stipulat u jkun hemm programm ta' immaniġjar aħjar.
Tkellem dwar il-miżura li l-liċenzja biex wieħed isuq mutur 125cc se tonqos għal €10.

Investiment kollu kemm hu ffukat fuq l-integrazzjoni
Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq fuq investimet ta' €50 miljun, kollha ffukati fuq l-intergazzjoni ta' immigranti.
Dan il-fond se jkun iffukat fuq restawr ta' housing estates u riformi soċjali biex jgħinu lill-immigranti, ir-refuġjati u dawk li qed ifittxu l-ażil.

Ġlieda ma min jabbuża mill-benefiċċji soċjali
Dwar il-faqar, il-Prim Ministru qal li fil-qasam tal-pensjonijiet il-pajjiż waqa' lura, iżda bilmod se jkun qed jirranġa s-sitwazzjoni.
Fakkar kif għall-ewwel darba f'20 sena, se tkun qed tiżdied il-pensjoni minima u dan ifisser li din se tiżdied b'medja ta' €6.12 fil-ġimgħa.
Saħaq li l-Gvern se jkompli jiġri wara min qed jabbuża mill-benefiċċji soċjali.
"Mhux aċċettabli li tirreġistra u mbagħad tirrifjuta x-xogħol," qal Joseph Muscat. "Dawn il-flus għandhom imorru għand min veru għandu bżonnhom."

L-Enemalta bl-ewwel investiment barra minn Malta
L-Enemalta se tkun qed tagħmel l-ewwel investiment tagħha barra minn Malta, żvela Joseph Muscat.
Saħaq li Gvern Laburista biddel il-kumpanija minn waħda falluta, għall-waħda li tiflaħ tagħmel investiment barra minn Malta.
Dan se jkun imħabbar fil-jiem li ġejjin.

Mingħajr powerstation ġdida, ikompli jiżdied it-tniġġis.
Tkellem dwar il-kontijiet tal-enerġija, u qal li l-Kap tal-Oppożizzjoni għadu ma jafx kif taħdem il-politika tal-enerġija.
Il-Mexxej Laburista qal li jekk ma tinbeniex il-powerstation il-ġdida, kif qal ilbieraħ Simon Busuttil, il-pajjiż irid jibqa' juża l-heavy fuel oil u terġa tinbena ċ-ċuminija tal-Marsa. Dan ikun ifisser aktar tniġġi tal-arja qal il-Prim Ministru.
L-ispiża tal-elettriku mil-interconector, tvarja minn 4ċenteżmi għall-18-il ċenteżmu qal il-Prim Ministru u ma' dawn trid iżżid ħlasijiet oħra. Għalhekk mhux veru li mill-interconnector l-elettriku jiswa 3ċenteżmi kif qal ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni.
Kompla jgħid li jista' jiġri wkoll li minn Sqallija, jiddeċiedu li ma jbigħux l-elettriku għax ikollhom bżonnu. Għalhekk, spjega l-Prim Ministru, bl-interconnector biss il-pajjiż ma jistax jimxi.
Mingħajr powertstation ġdida, il-kontijiet jerggħu jogħlew żied Muscat.
Dwar il-garanzija għall-bini tal-powerstation il-ġdida, Joseph Muscat qal li jaf b'żewġ każijiet, fejn preduċessuri tiegħu, iffirmaw biex jagħtu garanziji lill-kumpaniji privati. Saħaq li dawn ma ħarġux fil-beraħ għax hekk kien l-aħjar għall-interess tal-pajjiż u kompla li għamlu tajjeb u rringrazjahom. 
Dwar il-prezzijiet tal-petrol u d-diesel, il-Prim Ministru qal li jippreferi stabbilità fil-prezzijiet milli sitwazzjoni fejn ħadd ma jaf fejn qiegħed.
Wieġeb għall-kritika tal-Oppożizzjoni u qal li l-prezz tal-fuel f'Malta huwa irħas mill-medja Ewropea f'dawn is-sentejn nofs.

2,400 persuna jinħarġu mill-prekarjat u inqas taxxi
Din is-sena, il-Gvern se jkun qed ineħħi mil-prekarjat 2,000 persuna, filwaqt li s-sena d-dieħla se jinħarġu 400 persuna oħra.
Dan apparti li minn din is-sena, kulħadd se jkun qed igawdi minn tnaqqis fit-taxxa tad-dħul kompla Joseph Muscat.
Spjega wkoll li kull familja, taħt dan il-Gvern, frankat €1,000 f'taxxi minn kemm kieku kellhom iħallsu taħt Gvern Nazzjonalista.
 
Żieda fl-esportazzjoni, l-industrija u x-xogħol
Il-Kap tal-Oppiżizzjoni qal li l-esportazzjoni naqset, iżda dan, qal Joseph Muscat imur kontra t-8% żieda li ġiet irrapurtata mill-Eurostat.
Kompla li minkejja li Simon Busuttil qal li l-industrija naqset, fil-verità din żdiedet b'9%.
F'dawn is-sentejn u nofs, il-Gvern żied 17-il post tax-xogħol kuljum, tliet darbiet aktar minn kemm kienu jiżdiedu taħt il-Gvern ta' qabel, qal Joseph Muscat.
B'risposta għall-kummenti li għamel ilbieraħ il-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru qal li ma jibżax mill-voti u mhux se jibża jieqaf lil min jabbuża.
Dan wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni lbieraħ qal li l-Gvern qed iqaċċat in-nies minn fuq ir-reġistru tax-xogħol, bl-iskuża li dawn qed jabbużaw mis-sistema.
Taħt dan il-Gvern, kompla Joseph Muscat, il-qgħad fost iż-żgħażagħ naqas bin-nofs.

Gvern Nazzjonalista ta €10 miljun lill-kumpanija falluta
Il-Prim Ministru żvela li Gvern Nazzjonalista kien ta €10 miljun lil kumpanija falluta.
Dan minkejja li espert, imqabbad mill-Gvern stess, kien kiteb rapport li fih hemm ċar li l-fondi tal-kumpanija kienu ġejjin minn attività kriminali
Dwar kumpaniji ġodda, Joseph Muscat qal li taħt dan il-Gvern fetħu 8 kumpaniji ġodda kuljum.
Għalhekk iddeskriva l-Gvern bħala l-aktar Gvern pro-business fl-istorja.
Saħaq li Malta waslet qabel ir-Renju Unit biex taħdem id f'id maċ-Ċina u semma fost oħrajn il-ftehim ma' kumpanija ċiniża għall-iżvilupp tal-5G f'Malta

Il-Gvern qed jonfoq aktar iżda żied id-dħul
Is-sena d-dieħla l-Gvern se jkun qed jonfoq €216-il miljun fl-edukazzjoni, spjega Joseph Muscat waqt li qal li fis-saħħa l-Gvern se jkun qed jonfoq €552 miljun.
"Il-Gvern hu kburi li żied l-ispiża f'dawn is-setturi," qal il-Prim Ministru.
Kompla li minkejja ż-żieda fl-infiq, il-Gvern se jkun qed iżid id-dħul tiegħu b'€314-il miljun aktar milli għamlet l-amministrazzjoni preċedenti.
Dan, qal Joseph Muscat, qed isir minkejja li l-Gvern naqqas it-taxxi.

Il-Gvern qed ibiddel lil Malta
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern qed ibiddel lil Malta, biex tkun bħal pajjiżi oħra li bdew magħha, iżda għal xi raġuni qabżuha.
Il-Mexxej Laburista qal li l-Gvern qed jieħu deċiżjonijiet li permezz tagħhom l-ekonomija qed tissaħħaħ.
Il-qgħad qed jonqos, it-taxxa tad-dħul qed tonqos u l-Gvern qed ikun spalla ma spalla man-negozji, saħaq Muscat.
Joseph Muscat qal li l-Baġits ta' dan il-Gvern huma bbażati fuq roadmap, u mhux ikunu tajbin biss fi żmien l-elezzjoni ġenerali.

Aktar qabel
Dalwaqt fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat se jkun qed jirreaġixxi għall-Baġit 2016.
Il-Mexxej Laburista mistenni jitkellem dwar kif il-Baġit se jgħin lill-familji u n-negozji.
Kif qal ilbieraħ wara d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni, il-Prim Ministru mistenni wkoll jirreaġixxi għad-diskors ta' Simon Busuttil, li fi kliemu kien mimli "żbalji" u "gideb."
Id-diskors se jibda fis-sitta u nofs u jieħu madwar sagħtejn.
Newsbook.com.mt se jkun qed jaġġornakom kontinwament.

Reazzjoni Partit Nazzjonalista
F’reazzjoni, il-Partit Nazzjonalista qal li d-diskors tal-Prim Ministru kien ikkaratterizzat minn bluf u ta’ ebda sustanza.
Il-Kap tal-PN saħaq li f’sagħtejn, Muscat ikkonferma li se jwebbes rasu u se jibqa’ ma jraħħasx il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u lanqas tal-petrol. Semma l-fatt li Muscat naqas milli jagħmel referenza għall-ambjent u ma ħareġ bl-ebda soluzzjoni għat-traffiku.