Il-Parlament jivvota kontra mozzjoni tal-Oppożizzjoni dwar l-iskema taċ-ċittadinanza

21:35 Jittieħed vot. 30 membru jivvutaw Favur, 39 Kontra. Il-mozzjoni ma tgħaddix.

21:30 Il-Kap tal-Oppożizzjoni jgħid li l-Oppożizzjoni se tuża l-pożizzjoni tagħha fil-kumitat ta’ monitoraġġ imwaqqaf mill-Gvern u jappella liċ-chairman maħtur mill-Gvern biex minnufih jibda b’laqgħat biex l-Oppożizzjoni tkun taf kif titħaddem l-iskema. Jinsisti li l-ismijiet kollha u l-pajjiż ta’ oriġini ta’ dawk li jingħataw ċittadinanza b’dan il-programm jiġu tassew pubblikati, u jekk ma jippubblikahomx il-Gvern se tippubblikahom l-Oppożizzjoni. Jgħid ukoll li l-Oppożizzjoni trid tara li min jieħu ċ-ċittadinanza b’dan il-mod, jeħodha jekk verament ikun għex fil-pajjiż għal mill-inqas 12-il xahar inkella ċ-ċittadinanza tiegħu ma tiġix rikonoxxuta. Insista wkoll li l-kuntratt tal-Gvern mal-kumpanija Henley & Partners, li hu sejjaħ bħala wieħed dubjuż, għandu jiġi ppubblikat. Qal ukoll li l-Oppożizzjoni se titlob lill-Kumitat tal-Kontijiet Pubbliċi biex il-kuntratt jiġi ppubblikat u eżaminat kif għandu jkun. Jinsisti mill-ġdid li għandu jiġi revokat l-avviż legali. 

21:23 Simon Busuttil: Jgħid li l-PN ma kellhux għażla ħlief li jmur quddiem il-Parlament Ewropew li kien il-vuċi taċ-ċittadini Maltin – qabel dan, ma kien hemm ebda obbligu ta' "lanqas ġurnata waħda ta' residenza" għall-applikanti. "Il-Parlament Ewropew huwa tagħna lkoll, mhux xi ħaġa aljena". "Il-ħsara għal isem pajjiżna saret bl-iskema ħażina li għamel il-Gvern, mhux għax l-Oppożizzjoni kkritikatha". 

21:13 Simon Busuttil, PN: "Din l-iskema hi l-eżempju ta' kif l-affarijiet m'għandhomx isiru". L-Oppożizzjoni tat vuċi lil dawk il-ħafna li jaħsbu li ċ-ċittadinanza m'għandhiex tkun għall-bejgħ. Il-Gvern injora kompletament lill-Oppożizzjoni, għalhekk użat l-unika għodda Parlamentari skont il-liġi – il-mozzjoni tal-lejla għal revoka tal-iskema. "Ma fiha ebda trasparenza għax ma tagħmilx differenza bejn min xtara ċ-ċittadinanza u min akkwistaha b'naturalizzazzjoni". 

20:50 Manuel Mallia, PL: Il-poplu hemm barra ma stenniex li l-Oppożizzjoni llejla tressaq mozzjoni biex tiddibatti u tibqa' kontra dan il-programm, li diġà għadda u li se jkun suċċess b'titjib fil-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin. Il-Gvern se jivvota kontra din il-mozzjoni – l-Oppożizzjoni ma tridx li dan il-programm jirnexxi. "L-applikazzjonijiet deħlin". L-Oppożizzjoni vvutat kontra l-interess ta' Malta. Jappella lill-Oppożizzjoni biex jirtiraw il-mozzjoni, li jsejjaħ "kundanna għall-Oppożizzjoni" li se ġġib miljuni ta' ewro għall-ġid tal-poplu.  

20:40 George Vella, PL: "L-attitudni tal-PN hi tipika, użawha fi żmenijiet oħra u issa marru quddiem il-Parlament Ewropew. Mhux veru fl-interess tal-pajjiż imma tal-partit bit-tama li jirbħu xi ftit voti bil-politika tat-twerwir u l-Big Brother". Jisfida lill-Oppożizzjoni biex terġa' tmur fil-Parlament Ewropew biex jinvestiga lill-pajjiżi l-oħra kollha bi skemi ta' ċittadinanza jekk verament huma kkonċernati dwar il-possibiltà ta' persuni mhux mixtieqa li jkollhom ċittadinanza Maltija. 

20:20 Jason Azzopardi, PN: "Dan hu l-uniku Gvern fid-dinja li qabbad lill-privat biex iħaddimlu programm ta' ċittadinanza bi ħlas, u li qed tħaddem programm b'mod esklussiv u tagħmel il-miljuni a skapitu tal-Gvern". Jistaqsi jekk il-Gvern għandux xi forma ta' obbligazzjoni lejn din il-kumpanija privata. Jgħid li avukat tal-kumpanija barranija qed jitpoġġa fl-istess livell ta' diplomat Malti. Jgħid ukoll li l-Gvern qed jippermetti li ammont kbir ħafna ta' flus qed jitħallew f'idejn il-kumpanija barranija sa massimu ta' sentejn, li sadattant tista' tinvestihom u taqla' l-imgħax minn fuqhom. Jistaqsi x'jiġri jekk Henley & Partners jaħarbu bil-flus, u għaliex fost il-kundizzjonijiet li jwasslu biex tiġi revokata ċittadinanza mogħtija, m'hemmx inkluż li l-persuna ma tkunx għaddiet 12-il xahar ta' residenza f'Malta. Jistaqsi wkoll għaliex il-Gvern qed isib diffikultà li jippubblika b'mod separat il-lista tal-persuni li tingħatalhom iċ-ċittadinanza b'din l-iskema. 

20:15 Edward Zammit Lewis: L-Avviż Legali hu wieħed dettaljat. Id-deskrizzjoni aħħarija jekk persuna tingħatax ċittadinanza jew le hi tal-Ministru responsabbli. Mhux veru li l-kumpanija Henley & Partners mhix marbuta tgħaddi l-fondi lil Malta. "L-Oppożizzjoni tispeċjalizza fin-negattività, għandna Kap tal-Oppożizzjoni iżolat mill-Kamra tal-Kummerċ, minn Finance Malta, issa wkoll mill-Kummissjoni Ewropea". 

19:51 F'isem il-Gvern jitkellem is-Segretarju Parlamentari Edward Zammit Lewis. "Illum għandna Avviż Legali ta' min jiftaħar bih". "Il-Gvern laħaq ftehim mal-Kummissjoni Ewropea fi ftit siegħat". Jgħid li l-ftehim mal-Kummissjoni Ewropea jidentifika "stat ta' residenza effettiva" u mhux "residenza effettiva" biss. Jgħid li f'25 sena ta' Gvern Nazzjonalista, ma rnexxilux joħroġ b'definizzjoni ta' residenza li issa jridu f'dan il-programm. Jgħid li l-Gvern jaf x'qed jagħmel u se joħroġ linji-gwida mill-aġenzija Identità Malta. 

19:50 Francis Zammit Dimech: "Il-Gvern irid residenza effettiva jew le?"

19:34 Għan-nom tal-Oppożizzjoni jibda jitkellem id-deputat Francis Zammit Dimech. Jgħid li l-Gvern wasal fil-verżjoni 5.0 tal-programm. Jgħid li l-Gvern webbes rasu u li kieku aċċetta l-emendi mressqa mill-Oppożizzjoni, il-Gvern kien ikollu qbil unanimu fil-Parlament mal-programm propost. F'Novembru l-membri tal-Gvern ivvutaw favur ċittadinanza sigrieta, mingħajr residenza jew ħtieġa ta' investiment. "Kien bis-saħħa tal-Oppożizzjoni, bi żvantaġġ Parlamentari, li llum qed nitkellmu dwar ċittadinanza mhux sigrieta b'mod assolut, b'investiment u b'rekwiżit ta' residenza". Jgħid li l-Gvern illum qed jiftaħar b'endorsement mill-Kummissjoni Ewropea imma għandu jirringrazzja lill-Oppożizzjoni li nsistiet fuq l-emendi min-naħa tagħha. Jikkwota partijiet mill-istqarrija konġunta għall-istampa li dwarhom hi l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni llum u li jgħid li l-Onor. Bonnici njorahom apposta. 

19:33 Owen Bonnici: "Irtiraw din il-mozzjoni u ngħaqdu mal-Gvern u mal-imsieħba soċjali biex nagħmlu minn dan il-programm, suċċess għall-ġid tal-pajjiż".

19:24 Owen Bonnici: "Kieku tgħaddi tal-Oppożizzjoni llejla, l-Avviż Legali jitħassar". "Il-flus tal-fond li se jinħoloq b'dan il-programm se jmorru għall-iskejjel, l-isptar u servizzi oħra għall-ġid tal-poplu Malti kollu kemm hu". Jakkuża lill-Oppożizzjoni b'politika żbaljata dwar dan il-programm, li "rewħet kemm felħet hemm barra biex tagħmel ħsara lill-pajjiż", u lil NET TV bħala 'Striscia La Notizia' billi jiġru wara barranin fl-ajruport. 

19:17 Owen Bonnici: il-Kummissjoni Ewropea riedet "tisħiħ tal-genuine link bejn il-barrani li jitlob iċ-ċittadinanza, u Malta". Jgħid li l-applikant irid jagħti prova li qatta' sena residenza f'Malta. Malta xorta qed tħalli capping ta' 1,800 applikant, bid-dritt li tbiddel in-numru jekk jidhrilha. "Il-ftehim mal-Kummissjoni Ewropea jsaħħaħ il-programm li baqa' wieħed kompetittiv". "Il-proposti tal-Oppożizzjoni -ta' 5 snin residenza u ċifra għolja ta' investiment- kienu jwasslu għal programm li ma kien ikun kompetittiv xejn". Iħeġġeġ lill-Oppożizzjoni biex timxi 'l quddiem ladarba hemm qbil ma' kulħadd dwar il-programm. 

19:08 Min-naħa tal-Gvern jibda jitkellem is-Segretarju Parlamentari għall-Ġustizzja Owen Bonnici. "Il-pajjiż għandu l-opportunità li b'din l-iskema joħloq fond nazzjonali li jtejjeb il-ħajja tan-nies". Jgħid li dan hu programm maqbul mal-Kummissjoni Ewropea. Sellem lil tliet persuni li ħadmu fuq il-programm: Keith Schembri mis-Segretarjat Privat tal-Prim Ministru, Jonathan Cardona li llum qed jaħdem fuq l-iskema, u l-Avukat Ġenerali Dr Peter Grech. Isejjaħ l-iskema "programm ta' valur kbir" u jgħid li hemm pajjiżi oħrajn li jixtiequ li għandhom il-qbil tal-Kummissjoni Ewropea bħal ma għandha Malta. 

19:05 Mario de Marco, "Aħna lesti li naħdmu mal-Gvern biex infasslu dawn l-iskemi, imma għal nies li ġenwinament lesti li jġibu l-ekonomija u lill-pajjiż 'il quddiem, u li jirrispettaw id-dinjità tal-pajjiż". Appella lill-membri kollha tal-Kamra biex jivvutaw favur il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni "jekk li tkun Malti tfisser xi ħaġa għalina", biex l-iskema tirrifletti verament dak li l-Kamra temmen fih. "Isem pajjiżna qatt m'għandu jkun għall-bejgħ". 

19:02 "Jien qiegħed hawn biex niddefendi l-interess ta' pajjiżi. Li tkun Malti fiha tifsira. Jekk il-Gvern jemmen li ċ-ċittadinanza qisha d-deheb u tista' tinbiegħ, allura vvotaw kontra l-mozzjoni tal-Oppożizzjoni" – Mario de Marco – "din hi strateġija short-sighted. Jirbaħ dak il-pajjiż li l-inqas li għandu stima tiegħu nnifsu". 

18:54 Mario de Marco qal li "l-Oppożizzjoni qiegħda hawn biex tipproponi", "ejjew nirrispettaw dak li ġie miftiehem u nimxu 'l quddiem". Jakkuża lill-Gvern li ma jagħtix każ dak il-kritika qawwija li twasslitlu dwar din l-iskema. 

18:52 "Din l-iskema wasslet biex gruppi differenti fil-Parlament Ewropew, inkluż il-grupp Soċjalista, jingħaqdu kontriha". Mario de Marco qal li anke l-Kummissjoni Ewropea lissnet ruħha kontra din l-iskema, b'dispjaċir anke tal-Oppożizzjoni. "L-Oppożizzjoni lesta li tirrispetta dak li ġie miftiehem bejn il-Gvern Malti u l-Kummissjoni Ewropea, imma dak li ġie miftiehem irid jiġi rispettat bis-sħiħ. L-Avviż Legali ma jirrispettax bis-sħiħ dak il-ftehim". 

18:50 "L-iskema hemm barra tat lil dak li jkun x'jifhem li Malta hi f'xifer il-falliment imma Malta mhix falluta" – Mario de Marco. 

18:40 L-ewwel intervent min-naħa tal-Oppożizzjoni hu mill-Viċi Kap tal-PN Mario de Marco li nsista li l-Oppożizzjoni tħaddan il-prinċipju li ċ-ċittadinanza m'għandha qatt tkun għall-bejgħ. Il-Gvern beda jbiddel il-pożizzjoni oriġinali tiegħu malli ra l-oppożizzjoni għaliha minn kull naħa. L-Oppożizzjoni ma taqbilx li ċ-ċittadinanza tingħata ma' "skambju ta' ċekk" imma ma' rabta vera mal-pajjiż. Il-Gvern ma laqa' ebda suġġeriment tal-Oppożizzjoni, inkluż l-insistenza dwar residenza. 

18:30 Il-mozzjoni tressqet mid-deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi f'isem l-Oppożizzjoni. Titlob ir-revoka tal-Avviż Legali 47 tal-2014 u biex dan jiġi annullat u dikjarat mingħajr "effetti fil-liġi għax imur kontra l-interess nazzjonali". 

Il-punti prinċipali tal-mozzjoni:
Il-mozzjoni tal-Oppożizzjoni tgħid li l-Avviż Legali ma jirriflettix il-ftehim ta' Malta mal-Kummissjoni Ewropea dwar din l-iskema għaliex:
– ma jsemmix il-perjodu ta' residenza effettiva u lanqas il-provi meħtieġa biex jindikaw residenza effettiva; 
– jeskludi r-residenza tad-dipendenti ta' min ikun qed japplika għaċ-ċittadinanza u li b'konsegwenza tingħatalhom ukoll; 
– ma jirriflettix il-punt li l-ksur tal-obbligu tar-residenza li jwassal għat-telf taċ-ċittadinanza jekk din tkun ingħatat; 
– l-iskema suppost titħaddem mill-aġenzija Identità Malta mhux mill-konċessjonarju imma l-Avviż Legali jgħid bil-maqlub; 
– m'hemmx salvagwardji dwar il-ħlasijiet ta' flus li jgħaddu għand il-konċessjonarju mhux għand il-Gvern Malti; 
– jippermetti li persuna li tkun tat informazzjoni falza fl-applikazzjoni tiegħu, għandha rekord kriminali, hi soġġett għall-investigazzjoni kriminali, jew potenzjalment hi ta' theddida kontra s-sigurtà nazzjonali ta' Malta, jew li tista' tkun involuta f'xi attività li tagħti isem ħażin lil Malta, tista' xorta waħda tkun approvata għaċ-ċittadinanza.