Edwin Vassallo se jivvota kontra l-Liġi dwar iż-żwieġ gay

Id-Deputat Nazzjonalista Edwin Vassallo ddikjara li se jkun qed jivvota kontra l-abbozz ta' liġi mressaq mill-Gvern u li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ.
Dan minkejja li l-Oppożizzjoni ddikjarat li se tivvota favur l-abbozz minkejja li se tkun qed tippreżenta emendi.

Ara hawn taħt ir-rapport dettaljat tad-dibattitu dwar dan l-abbozz li ħa tliet seduti, u li fi tmiemu il-Parlament approva fi stadju tat-Tieni Qari dan l-abbozz ta' liġi

“M’hu se naċċettaw ebda emenda li ddaħħal differenza bejn koppji eterosesswali u koppji LGBTIQ – Joseph Muscat
Il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-vot li se jkun qed jieħu l-Parlament huwa vot dwar l-umanità li minnha joħroġ il-valur tal-ugwaljanza. Huwa qal li l-idea oriġinali tal-Gvern kienet li sempliċiment jinbidel isem l-unjoni ċivili, iżda l-parir tal-esperti kien li dan ikun qed joħloq differenza bejn żewġ tipi ta’ żwiġijiet skont liema liġi tapplika għal koppji tal-istess sess u dawk eterosesswali. Barra minn hekk, l-unjoni ċivili bħala istituzzjoni se tibqa’ għaliex hi miftuħa għal kulħadd. Tenna li t-tħollija ta’ termini eżistenti bħal ‘omm’ u ‘missier’ joħolqu għażla bejn familji ‘normali’ u ‘oħrajn’ meta l-familji kollha għandhom ikunu indaqs. Qal li japprezza li ħafna jemmnu f’dan il-punt u qed jagħmluh b’mod ġenwin. Biss, saħaq din hi kwistjoni fundamentali għaliex tiddiskrimina bejn ‘nies u oħrajn’. Staqsa għaliex dan il-punt ma tqajjimx meta l-Parlament iddiskuta l-liġi dwar koabitazzjoni. Staqsa wkoll kif kien hemm kandidati li ħarġu ma’ partit meta qed jgħidu li ma jaqblux ma’ kunċett fil-manifest elettorali tiegħu. Iddeskriva lilu nnifsu bħala Kattoliku, iżda jifhem li l-Knisja ma taqbilx ma’ dak li qed jagħmel illum. Staqsa kif kien hemm min qal li hu kontra din il-liġi iżda se jivvota favur u staqsa kemm dawn huma konsistenti magħhom infushom. Tenna li l-Gvern mhux lest li jaċċetta emendi li differenza bejn koppji eterosesswali u koppji LGBTIQ. Sostna li l-Gvern se jkun qed jemenda l-liġi dwar il-fertilizzazzjoni in-vitro li qal tiddiskrimina kontra koppji gay, u l-Gvern determinat li jneħħi din id-diskriminazzjoni. Qal li bħala Gvern “se nivvutaw b’moħħna, b’qalbna u bil-kuxjenza tagħna”. 
“Il-Partit Nazzjonalista huwa Demokristjan iżda mhux konfessjonali”
Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista huwa Demokristjan ispirat mit-tagħlim Kattoliku, iżda mhux partit konfessjonali li dejjem jimxi eżatt ma’ dak li tgħid il-Knisja. Qal li l-Partit, wara dixxerniment, għandu l-obligu jilleġiżla għall-bqija tas-soċjetà li għandha twemmin u ħtiġijiet differenti kif għamel dwar il-fertilizzazzjoni in vitro, u l-kontraċezzjoni fost l-oħrajn. Qal li kull deputat għandu jistaqsi liema hu l-ikbar ġid komuni, jekk hux vot favur jew kontra. Tenna li huwa ma jikkundannax anzi jinkoraġġixxi dibattitu miftuħ minn dawk li ma jaqblux mal-opinjoni tiegħu. Saħaq li l-proposti tal-Oppożizzjoni favur l-użu ta’ ċertu termini huma motivati biex ma jeskludux u ma jweġġgħu is-sensittiva ta’ ħadd. Fisser li irrispettivament minn jekk jintlaqgħux jew le il-Partit Nazzjonalista kien se jivvota favur din il-liġi.
"L-Oppożizzjoni ma għandiex argumenti dwar dan l-abbozz ta’ liġi" – Helena Dalli
Il-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli qalet li l-Oppożizzjoni ma għandiex argumenti dwar dan l-abbozz ta’ liġi u għalhekk qed tirrikorri għal tixwix u tbeżżiegħ. Bħala prova poġġiet fuq il-Mejda tal-Kamra ittra li qalet li rċeviet minn għand bejjiegħ tal-fjuri li hu mbeżża' li l-Gvern se jneħħi Jum l-Omm u Jum il-Missier. Qalet li storikament il-Partit Nazzjonalista dejjem oppona miżuri biex inseddqu l-ugwaljanza. Iċċitat l-oppożizzjoni tal-Partit Nazzjonalista kontra ż-żwieġ ċivili fis-snin sebgħin u l-astensjoni dwar l-unjoni ċivili fil-leġiżlatura li għaddiet. Sostniet li l-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni dwar il-lingwaġġ hija “mod ridikolu” biex tgħid lill-fazzjoni konservattiva fil-Partit Nazzjonalista li hi ppruvat tbiddel il-liġi fi stadju ta’ kumitat. 
“Kull min se jivvota favur jew kontra se jagħmel hekk skont il-kuxjenza” – Beppe Fenech Adami
Id-Deputat Kap tal-Partit Nazzjonalista Beppe Fenech Adami iddeskriva l-vot tiegħu favur l-att propost bħala vot ta’ kuxjenza. Appella għal rispett dwar kwalunkwe opinjoni jew vot fuq din il-liġi għaliex jinsab ċert li “kull min se jivvota favur jew kontra se jagħmel hekk skont il-kuxjenza”. Iddeskriva bħala “gidba” l-argument li llum m’hawnx żwieġ bejn koppji tal-istess sess hekk kif l-Att qed jirrikonoxxi bħala żwieġ dak li diġà jeżisti bħala stat ta’ fatt. Sostna li bħala Demokristjan għandu l-obbligu morali li jagħraf is-sinjali taż-żminijiet u jilleġiżla b’responsabbiltà biex ma jkunx hawn ordni pubbliku fil-pajjiż. Saħaq biss li vot favur liġi għandha twassal għal rebħa favur diversità, tolleranza u mħabba u bl-approvazzjoni tagħha ma għandux ikun hemm it-telfa ta’ dawk ittimbrati bħala “konservattivi”, “Demokristjani” jew “insara”, għaliex ilkoll jemmnu f’dawn il-valuri. Qal li hu rebħa tas-soċjetà kollha għaliex spiċċa żmien ta’ ġudizzji u kundanna. Saħaq li l-Oppożizzjoni trid liġi li tgħaqqad mhux li tifred.
“Liġi se tkun qed twassal għal soċjetà inklussiva u tolleranti” – Robert Abela
Id-Deputat Laburista Robert Abela qal li l-proposti mressqa mill-Gvern qed jallineaw il-liġi Maltija ma’ diversi numru ta’ sentenzi tal-Qorti Ewropea dwar id-drittijiet tal-Bniedem. Qal li l-Gvern jemmen “b’konvinzjoni mhux konvenjenza” li l-komunità LGBTIQ għandha titqies b’mod ugwali għal bqija tas-soċjetà. Sostna li din hi “liġi se tkun qed twassal għal soċjetà inklussiva u tolleranti” li ma tagħmilx distinzjoni a bażi ta’ sess jew ġeneru. 
"L-ugwaljanza qatt ma għamlet ħsara lill-ħadd” – Rosianne Cutajar
Id-Deputat Laburista Rosianne Cutajar qalet li mhux il-pajjiż mhux lest għall-emendi li qed jipproponi l-Gvern Laburista iżda l-Oppożizzjoni. Sostniet li ma tistax tifhem għalfejn dan l-attakk fuq l-użu ta’ termini newtrali. Qalet li l-Oxford English Dictionary ilu snin twal li biddel id-definizzjoni ta’ żwieġ għal waħda li ma tinkludix termini li jiddistingwu bejn maskil u femminili. Tenniet li għalkemm dak li qed jipproponi l-Gvern, jista’ jinstema’ rivoluzzjonarju, minn hawn u ftit tas-snin oħra dawn se jsir in-norma. Saħqet li "l-ugwaljanza qatt ma għamlet ħsara lill-ħadd”. 
"Min jista’ jwelled jekk mhux l-Omm" – Herman Schiavone
Id-Deputat Nazzjonalista Herman Schiavone sostna li l-liġi qed tipprova toħloq uniformità flok diversità. Iddeskriva l-emendi proposti mill-Gvern biex jeliminaw kliem bħal ‘omm’, ‘missier, ‘raġel’ u ‘mara’ bħala “assurdi”. Qal li din mhix kwistjoni li għandha tispiċċa bħala ballun politiku. Staqsa għaliex il-“maternità” qed tiġi relegata għall-pronom “this”. Staqsa "min jista’ jwelled jekk mhux l-Omm", u għaliex il-Gvern qed jinsisti biex iċaħħad affarijiet bażiċi, inkluż il-maternità. Innota li l-att propost ma jgħid xejn dwar nullità taż-żwieġ u staqsa x’inhuma l-parametri ta’ non-konsumazzjoni. Qal li dan jista’ jwassal għal żebliegħ quddiem il-qrati. Irrimarka ukoll li l-ħarsien tar-reliġjon għanda tħares il-possibbiltà li propjetà tal-Knisja jew entitajiet oħra bħal kappelli, inkluż dawk mhux konsagrata, swali, ċentri parrokkjali u simili ma jippermettux żwieġ bejn koppji tal-istess sess.
"Żball jekk jiġi eradikat dak li hu tas-soċjetà Maltija" – Carmelo Mifsud Bonnici
Id-Deputat Nazzjonalista Carmelo Mifsud Bonniċi sostna li l-Omm hi sagra. Qal li hu żball li jiġi eradikat dak li huwa parti mis-soċjetà Maltija u dan kollu biex jagħmel stqarrija li ħafna huma kontriha.
Robert Cutajar illejla jivvota favur imma mhux jintrabat li jagħmel dan fil-futur
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Robert Cutajar qal li llejla se jkun qed jivvota favur l-abbozz, imma mhux jintrabat li jagħmel hekk 'il quddiem jekk il-Gvern jibqa' ma jagħtix widen għall-emendi li se tressaq l-Oppożizzjoni.
Fid-diskors tiegħu fil-Parlament, Cutajar staqsa għalfejn il-Gvern qed jgħaġġel biex jgħaddi din il-liġi.
Appella lill-Gvern biex bħal ma sar f'diskussjonijiet oħra, fosthom tal-Morning After Pill u l-Ewtanasja, ikun hemm diskussjoni quddiem il-Kumitat għall-Affarijiet tal-Familja u dak għall-Affarijiet Soċjali.
"II-PN ma kienx qed jiżbalja meta astjena fil-Liġi tal-Unjoni Ċivili" – Robert Cutajar
Robert Cutajar kompla jgħid li l-PN ma kienx qed jiżbalja meta asjtena fil-Liġi tal-Unjoni Ċivili, għax fi kliemu għamel dan biex iħares l-interess tat-tfal.
Spjega li l-akbar żball li għamlet l-Oppożizzjoni kien li ma spjegatx biżżejjed li hi kienet favur l-unjoni ċivili iżda astjeniet għax il-Gvern, "b'mod malinn," daħħal mal-istess liġi l-adozzjoni minn koppji tal-istess sess.
Fid-diskors tiegħu, Cutajar insista li l-Parlament jiżbalja jekk jarmi u ma jagħtix kas tal-valuri li l-ommijiet u l-missirijiet għaddew lil uliedhom, valuri li fi kliemu sawwru lill-poplu.
"L-emendi tal-Oppożizzjoni mhu se jnaqqsu xejn miż-żwieġ ċivili" – Godfrey Farrugia
Id-Deputat Godfrey Farrugia appella lill-Ministru Helena Dalli biex fis-seduta li fiha se tkun qed tingħalaq din id-diskussjoni, biex tikkunsidra l-emendi li qed tressaq l-Oppożizzjoni.
Saħaq li dak li tixtieq temenda l-Oppożizzjoni mhu se jnaqqas xejn mid-dritt taż-żwieġ ċivili
"Għall-ewwel darba se jkun hawn ugwaljanza fiż-żwieġ bejn ir-raġel u l-mara" – Glenn Bedingfield
Id-Deputat Glenn Bedingfield qal li l-abbozz imressaq mill-Gvern, mhux biss jżid id-drittijiet għal persuni LGBTIQ, iżda wkoll, għall-ewwel darba, se jkun hawn l-ugwaljanza fiż-żwieġ bejn ir-raġel u l-mara.
Glenn Bedingfield qal li qatt ma kien jistenna li l-Oppożizzjoni se jressaq emendi li jfissru inqas drittijiet.
Qal li ma jistax jifhem għalfejn hawn min hu daqshekk ikkonċernat fuq il-kliem "omm" u "missier." 
Temm jgħid li l-ugwaljanza, fil-veru sens tal-kelma, ma għandha tagħmel l-ebda distinzjoni bejn ħadd.
 "Il-lingwaġġ li qed jiddaħħal qed joħloq il-firda" – Claudio Grech 
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Claudio Grech ukoll qal li l-abbozz tal-liġi qed tmur lilhinn miż-żwieġ gay.
Grech qal li l-lingwaġġ li qed jiddaħħal se jkun qed joħloq il-firda.
Claudio Grech qal li jdejqu minn juża tiketti ta' konservattivi u liberali u appella lill-Gvern biex ma jitlaqx mill-preġudizzju u jara kif jista' joħloq kunsens.
Ħeġġeġ lill-Parlament biex iżomm f'moħħu li mhux kulħadd jaħsibha l-istess.
Insista li dan ma jfissirx li l-liġi għandha titwaqqaf, imma appella biex ikun hemm aktar rappreżentazzjoni tad-diversità fejn kulħadd iħossu komdu li jesprimi l-opinjoni tiegħu. 
"Se nivvota favur bl-akbar konvinzjoni morali" – Evarist Bartolo
Il-Ministru Evarist Bartolo qal li se jkun qed jivvota favur il-liġi bl-akbar konvinzjoni morali għax fi kliemu għad hawn nies li għandhom id-drittijiet tagħhom imċaħħda.
"Ma għandniex bżonn liġi biex lili xi ħadd jgħidli “pa” jew “nannu,” saħaq Bartolo
Kompla jgħid li jekk il-pajjiż irid soċjetà aktar umana u din l-umanità tkun mifruxa fost kulħadd, allura għandu jqis lil kulħadd indaqs u kulħadd ikun meqjus persuna sħiħa.
Saħaq li din il-liġi se tagħmel is-soċjetà aktar umana.
Edwin Vassallo se jivvota kontra l-Liġi dwar iż-Żwieġ gay
Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni Edwin Vassallo qal li  se jivvota kontra l-Liġi dwar iż-Żwieġ gay
Vassalo qal li din il-liġi mhux se tneħħi imma se żżid id-diskriminazzjoni għax tmur lilhinn miż-żwieġ gay.
Fid-diskors tiegħu, Vassalo qal li ma jħossux moralment komdu jivvota favur dan l-abbozz.
Kompla jispjega li ħadd fil-Parlament ma għandu l-mandat elettorali biex idaħħal din il-leġiżlazzjoni.
"Abbozz miktub bil-qerq"
Qal li la l-isem u lanqas l-għan tal-liġi, ma jaqblu mal-kontenut tagħha.
Vassallo qal li d-drittijiet kollha taż-żwieġ bejn persuni tal-istess sess diġà ngħataw kollha meta għaddiet il-Liġi tal-Unjoni Ċivili. Qal li l-uniku ħaġa li kien jonqos kien li jinbidel l-isem tal-liġi.
Id-Deputat saħaq li l-Gvern qed "jistupra l-vokabularju f'dan l-abbozz" u qal li kien miktub bil-qerq.
"Il-Gvern qed jiddiskrimina kontra t-tfal"
Insista li mhux qed jagħmel dan b'disrispett lejn koppji tal-istess sess, għax fi kliemu il-kontenut ta' din il-liġi ma għandu x'jaqsam xejn.
Żied jgħid li qabel l-elezzjoni ħadd ma wiegħed li se jbiddel il-kliem "omm" u "missier," u għalhekk ħadd ma għandu mandat biex iwettaq din il-liġi.
Edwin Vassallo insista li wieħed jgħid "ma" u "pa" huwa ta' ġid għat-tfal u l-Gvern, b'dan l-abbozz, qed jiddiskrimina kontra t-tfal.
"Qed immorru l-liġi naturali li l-imħabba twelled il-ħajja" 
Kompla jgħid li l-liġi mhux qed tiċċelebra l-imħabba, imma qed tmur kontra l-liġi naturali li l-imħabba twelled il-ħajja.
Saħaq li l-politiku qed jiddeċiedi li huwa daqs Alla u li jiddeċiedi hu meta tibda u meta tispiċċa l-ħajja. 
"Il-PM ma ddejjaqx jimbotta suġġett li seta' jtellef il-voti" – Josè Herrera
Il-Ministru Josè Herrera qal li l-Prim Ministru Joseph Muscat ma ddejjaq xejn li jimbotta suġġett anke jekk dan se jfisser telfien ta’ voti.
Fid-diskors tiegħu, Herrera qal li l-Gvern qed iħares biss lejn il-qabża fil-kwalità li din il-liġi tista’ ġġib.
Saħaq li d-Deputati għandhom jikkunsidraw id-drittijiet tal-minoranzi meta jivvutaw fuq din il-liġi. 
Claudette Buttigieg tgħid li l-Oppożizzjon żbaljat meta astjeniet fil-Liġi tal-Unjoni Ċivili
Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni Claudette Buttigieg qalet li l-Parlament għandu jaċċetta lil dawk li ma jħossx dan it-tibdil bħala wieħed naturali.
Appellat biex ma jkun hemm l-ebda attakk fil-konfront ta’ Deputati li forsi ma għandhomx l-istess opinjoni ta’ oħrajn.
Dan b’reazzjoni għal kumment ta’ Aaron Farrugia meta qal li hemm Deputati Nazzjonalisti li jħaddnu idea tal-lemin medjevali.
Tkellmet dwar l-astensjoni tal-Oppożizzjoni fil-liġi tal-Unjoni Ċivili u qalet li l-Oppożizzjoni żbaljat. Qalet li hi, aktar minn oħrajn, tħoss li weġġgħet lil ħbieb LGBTIQ. “Din id-darba mhux se nagħmel hekk,” qalet Buttigieg.
"Kemm tlesti tweġġgħu ommijiet u missirijiet?"
Claudette Buttigieg appellat biex il-kelma "ġenitur" jew kliem ieħor jiżdied mingħajr ma jitneħħew il-kliem "omm" u "missier."
Buttigieg qalet jekk il-Gvern mhux se jasal għal kunsens se jkun qed iweġġa' ommijiet u missirijiet li għandhom diffikultà b'dan l-abbozz.
Qalet li b'din il-liġi ma taħsibx li se jitneħħa Jum l-Omm. Il-ġimgħa li għaddiet, il-Whip tal-Oppożizzjoni David Aguis, daħħal dan id-dubju waqt id-diskors tiegħu fil-Parlament.
Buttigieg qalet li l-emendi li se tressaq l-Oppożizzjoni se tagħmilhom biex kulħadd iħossu komdu b'din il-liġi.
"Nittama li l-Oppożizzjoni se tivvota b’konvinzjoni u mhux b’konvjenza” – Aaron Farrugia
Fl-ewwel diskors tiegħu fil-Parlament, id-Deputat tal-Gvern Aaron Farrugia qal li l-imħabba u l-valur taż-żwieġ ma għandux iħares lejn l-uċuh.
Qal li l-pajjiż jinsab fil-quċċata ta’ liġijiet LGBTIQ fost l-istati membri tal-Unjoni Ewropea.
Saħaq li l-ewwel messaġġ tal-“aqwa żmien għadu ġej” hu billi l-Gvern jaħdem favur drittijiet indaqs għal kulħadd.
Aaron Farrugia qal li jinsab kuntent li l-Parlament jidher li se japprova dan l-abbozz b’mod unanimu u jittama li dan se jsir “b’konvinzjoni u mhux b’konvenjenza.”
Appella lill-membri tal-Oppożizzjoni li għadhom xettiċi biex jerġgħu jikkunsidraw il-pożizzjoni tagħhom f'isem attivisti u kandidati stess tal-Partit Nazzjonalista li huma LGBTIQ.
X'ġara sa issa?
Dalgħodu l-Parlament se jkun qed jiddiskuti l-abbozz ta’ Liġi li jemenda l-Att dwar iż-Żwieġ.
L-abbozz mistenni jagħti l-possibbiltà lill-koppji tal-istess sess jingħaqdu fi żwieġ ċivili.
Dan tressaq mill-Ministru għall-Ugwaljanza Helena Dalli u għandu l-appoġġ tat-tliet partiti rappreżentati fil-Parlament.
Il-Ministru Dalli kienet iddeskriviet l-abbozz bħala “qabża liberali 'l quddiem” fis-soċjetà Maltija.
Id-Deputat Nazzjonalista Therese Comodini Cachia kienet saħqet li l-liġi għandha toħloq distinzjoni ċara bejn żwieġ ċivili u dak reliġjuż u saħqet li l-abboz ta’ liġi kif propost ma jipproteġix it-tifsira ta’ żwieġ reliġjuż.
Il-Kelliem għall-Oppożizzjoni għall-Ugwaljanza David Agius saħaq li l-liġi għandha tagħti l-possibbiltà li l-partijiet jużaw il-kliem ‘omm’ u ‘missier’ minbarra l-kliem newtrali bħal ‘konjugi’. Akkuża li l-Gvern irid ineħħi l-kliem ‘omm’ u ‘missier’ mill-kultura ta’ Malta.
Il-Ħadd li għadda, il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil qal li se jkun qed jippreżenta emenda dwar dan l-abbozz biex minflok jitneħħew "omm" u "missier," tidaħħal xorta "ġenitur" iżda jinżammu l-kelmtejn l-oħra.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat kien qal li mhux se jaċċetta l-emendi tal-Oppożizzjoni jekk dawn ikunu diskriminatorji.