Malta tirbaħ il-Junior Eurovision 2015 bl-akbar ammont ta’ punti fl-istorja tal-festival

10.30: Waqt il-konferenza stampa li saret mar-rebbieħa Destiny, ir-rebbieħa tal-Junior Eurovision Song Contest iddeskriviet l-esperjenza bħala unika.  Ħeġġet lill-adolexxenti Ewropej biex isegwu l-ħolm tagħhom u ma jaqtgħu qalbhom qatt.
Fl-istess konferenza meta mistoqsi dwar jekk Malta hux se tospita l-Junior Eurovision 2016, ic-CEO tal-PBS qal li tkun xi ħaġa li Malta tkun kburija li tagħmel pero’ sostna li qabel il-konferma se jiddiskuti l-possibilita’ mal-Bord tal-PBS.
10.18: Fans tal-Eurovision Maltin jiċċelebraw ir-rebħa ta’ Destiny
9.41: Malta tirċievi 12-il punt mis-Serbja, 10 punti mill-Gorgja, 12-il punt mill-Islovenja, 10 punti mill-Italja, 10 punti mill-Olanda, 12-il punt mill-Awstralja, 10 punti mill-Irlanda, 6 punti mir-Russja, 5 punti mill-Macedjonja, 10 punti mill-Belarus, 12-il punt mill-Armenja, 6 punti mill-Ukraina, 12- punt mill-Bulgarija, 12-il punt minn San Marino, 12- il punt mill-Albanija
Malta tat 12-il punt lill-Italja.
9.40: Il-ġurija tat-tfal tagħti 12-il punt lil Malta.
9.37: Tibda issa l-votazzjoni. L-EBU tagħti 12-il punt lill-kontestanti kollha.  
9.30: Dalwaqt tibda l-votazzjoni. Qabel pero' Vincenzo Cantiello bi Primo Grande Amore.
9.19: It-televoting jagħlaq issa.  Mistiedna fuq il-palk Krisia Todorova li se toffri spettaklu ta' kant u tifkiriet.
9.18: Għal darba oħra ftit sekondi mill-ġdid minn kull kanzunetta qabel jagħlaq it-televoting.
9.12: Bħalissa waqt li l-istazzjonijiet televiżivi qed juru r-reklami, fis-sala qed naraw filmat mimli azzjoni u żfin.
9.07: Imiss issa li l-kantanti kollha jkantaw il-kanzunetta #discover li nkitbet apposta għal din l-edizzjoni.  Infakkru li hija kanzunetta li nkitbet mill-Malti Matt Muxu Mercieca li ukoll kiteb il-kanzunetta ta’ Destiny flimkien mal-Malti Elton Zarb.
9.01: Jiftaħ issa t-televoting.  U naraw ftit sekondi ta’ tfakkira minn kull kanzunetta.
8.57: Imiss issa l-Montenegro li jtemm il-konkors. Il-kantanta jisimha Jana Mirkovic u l-kanzunetta jisimha Oluja. 
8.53: Imiss issa l-Albanija u l-kantanta Mishela li ukoll ilha tipprova ħafna li tikkompeti f’dan il-festival. U issa rnexxielha!
8.48: Destiny b’vuċi soda u bi preżenza kunfidenti fuq il-palk tintlaqa’ tajjeb ħafna fis-sala u perżważi mill-miljuni li llejla qed isegwu l-festival! Proset Destiny!
8.46: U issa jmiss lil Malta … awguri Destiny
8.43: Il-kanzunetta ta’ qabel Malta toħodna San Marino. Jisimha Mirror u l-kantanta li fiha se tkanta bit-Taljan u bl-Ingliż tesprimi l-emozzjonijiet u r-riflessjonijiet li kultant jgħaddu minn moħħ t’adolexxenti u li jkollhom bżonn min jagħmlilhom ħafna kuraġġ.
8.41: Imiss lil Ivan u Gabriella.  Il-kanzunetta li se jippreżenta l-pajjiż li din is-sena qed jorganizza l-festival jisimha Colour of Hope.
8.30: U issa jmiss lil Anna Trincher tal-Ukraina. Il-ħolma kbira tagħha hija li tagħmel duet ma’ Beyonce. Tgħid li waslet s’hawn għax temmen fiha nnifisha u għax Alla jgħinha tkompli tgħix ħajjitha ġurnata b’ġurnata
8.25: Imiss issa lil Mika tal-Armenja. Kantant li tul dawn l-aħħar tliet snin prova kull sena biex ikun fuq dan il-palk. Pero’ dejjem kien jispiċċa ftit ‘il bogħod mill-ewwel post. Illejla se jwassal il-kanzunetta Love.
8.22: Il-kanzunetta tal-Belarus se jkantaha Ruslan Aslanov li barra li hu kantant, idoqq ukoll is-saxaphone.  Għallmitu jkanta nanntu. Illum se jkanta kanzunetta dwar il-maġija fil-ħajja tat-tfal u l-adolexxenti.  Il-kanzunetta jisimha Volshebstvo.
8.17:Immorru issa l-Maċedjonja … Ivana u Magdalena ħbieb li jistqarru li waslu s’hawn għax kellhom xortihom tajba. Fis-serata meta kellha tingħażel il-kanzunetta Ivana ma kinitx tiflaħ u Magdalena ma kinitx taf bid-data meta kienet se tingħażel il-kanzunetta. Imma tant kien miktub għalihom li jkunu hawn li llejla se jirrappreżenta lil pajjiżhom bil-kanzunetta Pietenka.
8.15: Imiss issa lil Mika tar-Russja. Tifel li se jkellimna dwar ħolm tal-adolexxenza. Beda jkanta ta’ 3 snin meta l-ġenituri tiegħu ndunaw li ma setax jitkellem sew u minħabba l-mużika mhux biss solva din il-problema imma baqa’ jkanta sa llum … tant li llejla qed jirrappreżenta lil pajjiżu!
8.10: Imiss issa lill-Aimee kantanta Irlandiża. Se tkanta bl-Irlandiż u temmen li bil-lingwa ta’ pajjiżha tista’ twassal aktar emozzjoni f’din il-kanzunetta li se nisimgħu llejla.
8.05: Waqfa għal żifna li se toħodna Back to the Future.  Dan huwa grupp ta’ żeffiena popolari ħafna fil-Bulgarija. 
8.00: Imiss issa lill-Awstralja b’Bella Page u l-kanzunetta  My girls. It-tfajla għanda rabtiet mal-Ewropa peress li għandha dixxendenza mill-Maċedonja.
7.57: Imiss issa lil Shalisa mill-Olanda. Kantanta bi grinta li fil-kanzunetta se tiddeskrivi l-iljieli mimlija ideat. 
7.54:L-Italja wara r-rebħa ta’ Vincenzo Cantiello s-sena l-oħra din is-sena għażlet li tibgħat lit-tewmin Chiara u Martina. Tewmin li jiddeskrivu lil xulxin bħala n-nar u l-ilma. Karattri u vuċijiet differenti imma li flimkien joħolqu armonija li biha llejla se jwasslulna l-kanzunetta Viva.
7.49: Slovenja: Il-kantanta Slovena Lina Kuduzovic hija kantanta li ilha tkanta mindu kellha 3 snin u llejla se ttina l-kanzunetta Prva ljubezen.  Magħrufa ħafna fl-Islovenia għall-vuċi tagħha li biha rebħet ħafna konkorsi għat-tfal u anke għall-adulti.
7.46:Il-grupp li se jirrappreżenta l-Ġorġja u li narawh fit-tieni kanzunetta jismu Virus għax l-iskop tagħhom huwa fi kliemhom li jinfettaw lid-dinja bl-imħabba. 
7.43: Tiftaħ il-kanzunetta tas-Serbja.  Kanzunetta mill-kantanta Lena li apparti li tħobb tkanta għanda passatempi oħra bħat-tpenġija, crafts u drama.  Kanzunetta bi stil klassiku u bi strumenti marbuta mas-Sebja.
7.39:Tiftaħ Krisia Todorova li kisbet it-tieni post is-sena l-oħra f’Malta bil-kanzunetta #discover.  Destiny Chukunyere toħroġ flimkien mas-17-il parteċipant l-ieħor.
7.30pm: Tibda t-13-il edizzjoni tal-Festival li jagħżel fost l-aqwa talenti ta’ tfal u adolexxenti fl-Ewropa. Illejla l-konfini se jinfetħu ftit aktar għax għall-ewwel darba se naraw f’dan il-festival lill-Awstralja tieħu sehem. Wara li l-Awstralja ħadet sehem b’suċċess fil-festival tal-kbar, l-organizzaturi ma ħasbuhiex darbtejn u aċċettawha bħala parti mill-konkors għat-tfal u l-adolexxenti.
Aktar qabel: Kwarta oħra jitla’ s-separju fuq it-13-il edizzjoni tal-Junior Eurovision Song Contest.
Din is-sena il-festival se jsir f’ Sofia l-Bulgarija.
Se jieħdu sehem 17-il pajjiż. Fost dawn għall-ewwel darba se tieħu sehem l-Awstralja.
Għal Malta se tkanta Destiny Chukunyere. Il-kanzunetta Not My Soul se tkun il-15-il kanzunetta tas-serata.
Newsbook.com.mt se jkompli jaġġornak b’dak kollu li qed jiġri fis-sala u jwassallek l-aħħar riżultati.