“Darba sibt lil Lisa Maria bid-demm ħiereġ minn idha”

Illum kompliet il-kumpilazzjoni fil-każ ta’ Erin Tanti akkużat bil-qtil ta’ Lisa Maria Zahra.
Barra l-akkuża tal-qtil, iż-żagħżugħ ta’ 23 sena qed ikun akkużat ukoll li poġġa l-ħajja ta’ Zahra fil-periklu tant li wassal għall-mewt tagħha.
Akkużat ukoll li ħa vantaġġ mill-pożizzjoni tiegħu bħala għalliem u kellu relazzjoni sesswali mat-tfajla li kienet taħt l-età.
Lisa Maria u Erin kienu rrapurtati nieqsa fid-19 ta’ Marzu ta’ din is-sena. Aktar tard dakinhar Lisa Maria kienet ittelgħet mejta mill-Irdum ta’ Ħad-Dingli u Tanti kien instab ftit ‘il bogħod minnha.

Tanti kien konxju meta ddaħħal l-isptar
Tat ix-xhieda tagħha t-tabiba tal-emerġenza li għamlet l-eżamijiet mediċi fuq Erin Tanti ftit wara li nstab fl-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli ftit ‘il bogħod mill-vittma. It-tabiba kkonfermat li Erin Tanti kien konxju meta twassal l-isptar. Qalet ukoll li kien qed isofri minn ġrieħi ħfief f'rasu.
Meta nstab, Erin ma semmiex mill-ewwel li kien hemm Lisa Maria miegħu
L-infermier li assista lil Tanti fuq l-ambulanza qal li ftit wara li ttella’ minn fuq l-irdumijiet staqsa lil Erin Tanti jekk kienx hemm xi persuna oħra miegħu. Qabel ma ġie mistoqsi mill-infermier, Erin ma semmiex lil Lisa Maria. Wara, l-akkużat qallu wkoll li hu u Lisa Maria ħadu pinnoli biex ineħħu ħajjithom. Meta raw li l-pinnoli ma ħadmux iddeċidew li jaqbżu. Qallu wkoll li Lisa Maria qabżet l-ewwel u hu ippanikja  u qabeż ftit wara. L-infermier qal li Erin Tanti fl-ebda ħin ma staqsa għall-Lisa Maria.
Il-ġakketta biċ-ċwievet tal-karozza tal-akkużat instabet ħdejn il-katavru ta' Lisa Marija
Wieħed mill-pulizija li kien fuq il-post qal li fil-karozza tal-akkużat instabu tliet kaxxi tal-aspirina, flixkun whiskey, flus, żewġ cheques u żewġ mowbaljs. Żied li l-ġakketta li fiha kien hemm iċ-ċwievet tal-karozza kienet ħden il-katavru ta’ Lisa Maria. Pulizija ieħor qal li fuq is-seat ta' wara tal-karozza kien hemm baskett li kien fih ħwejjeġ u par żarbun. Qal ukoll li l-kaxxi tal-aspirina kienu kollha vojta u l-whiskey kien nofsu vojt.
"Erin seta' jimxi fuq irkobbtejh" – Żagħżugħ li kien fuq l-irdumijiet
Żagħżugħ li kien ma' sħabu fuq l-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli dakinhar tal-inċident qal li meta waslu, għall-ħabta tal-għaxra ta' filgħodu, kienu diġa' raw lil Tanti u ħasbuh rieqed. Żied li f'xi ħinijiet rawh miexi fuq irkopptejh. Spjega li għal xi l-erbgħa beda jgħajjat għall-għajnuna. Għalkemm kien 'il bogħod bdew ikellmuh u kkonferma wkoll li fl-ebda ħin ma qalilhom li kien hemm persuna oħra miegħu.
Missier Zahra nħareġ mill-awla għax ma kienx qiegħed iħossu tajjeb.
Għal numru ta' drabi Erin qam jitkellem mal-avukat tad-difiża.

"Sibt xafra moħbija ġo teddy bear fil-kamra ta' Lisa Maria"
Ħaddiem li jaħdem fir-residenza ta’ Zahra qal li darba sab lil Lisa Maria bid-demm ħiereġ minn idejha. Sab ukoll soft toy li fih kellu xafra miksura.
L-istess xhud iddeskriva li lejliet l-inċident innota karozza pparkjata barra mir-residenza tal-akkużat. Mill-kameras tas-sigurtá ra lil Lisa Maria dieħla flimkien ma’  persuna oħra fir-residenza.
Ftit wara ċempel lil ħu Lisa Maria għax missier Zahra kien imsiefer. Aktar tard irċieva telefonata minn għand missier Lisa Maria u spjegalu dak li ġara.
Filgħaxija reġa mar id-dar ta’ Zahra u sab lil Lisa Maria fuq it-telefon. Hu tkellem mal-vittma u qalilha li mhux sew li ddaħħal lil xi ħadd id-dar meta missierha ma kienx hemm u għax kienet għadha taħt l-etá. Dakinhar sar rapport lill-pulizija.
L-għada ġie infurmat li Lisa Maria ma tistax tinstab. Qal li mar ir-residenza ta’ Zahra u mill-kameras tas-sigurtà ma rriżulta xejn. Daħal ukoll fil-kamra ta’ Lisa Maria u qal li kull ma ħadet magħha il-ħwejjeġ ta’ fuqha u l-mowbajl. Rega’ sar rapport ieħor l-għassa u l-pulizija maru d-dar biex jinvestigaw il-każ.  
Il-ħaddiem qal li din kienet l-ewwel darba li Lisa Maria baqgħet waħedha d-dar tagħha meta missierha kien imsiefer. Is-soltu kienet tkun għand in-nanna tagħha l-Belt.

Il-Maġistrat Audrey Demicoli ddefiriet il-każ għall-31 t'Ottubru.