Aġġornata: L-immigranti abbord l-MV Salamis jaslu f’Sirakuża

Il-102 immigranti li kienu abbord it-tanker MV Salamis waslu Sirakuża fi Sqallija, wara li l-Awtoritajiet Taljani aċċettaw immigranti irregolari li hemm abbord.

Dan l-iżblokk seħħ wara li matul il-lejl intensifikaw il-kuntatti diplomatiċi bejn il-Gvern Malti, Taljan u Grieg.

Fost l-immigranti abbord kien hemm erba’ nisa li qed jistennew tarbija. Magħhom ukoll mara li tinsab midruba u tarbija ta’ ħames xhur. 

Il-Prim Ministru Joseph Muscat irringrazzja lill-Prim Ministru Taljan, Enrico Letta u qal li permezz ta' din id-deċiżjoni, ir-relazzjonijiet bejn iż-żewġ pajjizi se jissaħħu.

Il-Prim Ministru qal li matul din il-kriżi, il-pożizzjoni ta' Malta kienet dejjem soda u leġittima u intbagħat sinjal mill-aktar ċar.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet ilbieraħ filgħaxija, il-Ministru Manuel Mallia qal li l-Gvern fetaħ protest ġudizjarju kontra l-aġenti tat-tanker.

Sostna li l-Kaptan tat-tanker, Leopoldo Manna injora r-regolamenti marittimi internazzjonali għal skopijiet kummerċjali u wara li ddeċieda li jagħti l-għajnuna lill-immigranti ried jidħol Malta meta l-eqreb port kien fil-Libja.

Spjega li dan huwa każ ta’ 'search and rescue' mhux każ ta’ salvataġġ ta’ immigranti irregolari.

Il-Ministru Mallia kkonferma li tkellem mal-Kummissajru Ewropew Cecilia Malmstrom, fejn sostna li Malta hija legalment korretta.

Huwa saħaq li tkellem mal-Kummissarju Ewropew wara li ħarġet l-istqarrija fejn qalet li l-vapur irid jitħalla jidħol Malta. Qal li Malmstrom ma kellhiex l-informazzjoni kollha.