Aġġornata: Jason Azzopardi bi kliem iebes fil-konfront tal-PM

Il-Membru Parlamentari Nazzjonalista Jason Azzopardi għadda kummenti iebsa fil-konfront tal-Prim Ministru Dr Joseph Muscat. 

Dan b’reazzjoni għall-kummenti li l-Prim Ministru għadda dwar il- każ ta’ Daryl Luke Borg, jiġifieri li m’hemm xejn ħażin li uffiċjal għoli fil-Ministeru tal-Ġustizzja jitkellem ma’ wieħed mix-xhieda prinċipali ta’ inkjesta.

Azzopardi sejjaħ dan l-aġir bħala skandaluż, speċjalment issa li ħarġet pubblika li dan sar bl-approvazzjoni tal-Prim Ministru.

Saħaq li l-Prim Ministru m’għandux kredibbiltà meta jgħid li l-Gvern kellu l-obbligu jinforma lill-Bord tal-Pulizija biex jisma’ x-xhieda ta’ Daryl Luke Borg.

Kompla jgħid li l-Prim Ministru kkonferma wkoll li l-Gvern iħossu komdu fil-preżenza tal-kriminali fl-operat uffiċjali tiegħu. Sostna li hu nkwetanti li kriminal magħruf għandu aċċess dirett għal-ogħla uffiċjali tal-Gvern u dan jimmina l-istituzzjonijiet demokratiċi tal-pajjiż.

Aġġornata: B’risposta għal dawn il-kummenti, il-Partit Laburista wieġeb li l-Partit Nazzjonalista jrid jerfa’ r-responsabiltà ta’ dawn l-allegazzjonijiet.

Il-Partit Laburista qal li kull Gvern għandu jisma’ dak li għandu xi jgħid il-poplu u jaġixxi fuq dak li jkun qallu.

Irrefera għall-Partit Nazzjonalista bħala partit tal-passat, ma jismax lin-nies u li jagħmel dak li jaqbel lilu.