Aġġornata: Is-Sindku ta’ Marsaxlokk ma jistax jifhem għalfejn ir-residenti qed iħossuhom ittraduti

B’reazzjoni għall-ittra anonima li r-residenti ta’ Marsaxlokk bagħtu lill-Prim Ministru, is-Sindku ta’ Marsaxlokk Edric Micallef qal li filwaqt li huwa ta’ sodisfazzjon li r-residenti jesprimu ruħhom, ma’ jistax jifhem “għaliex dawn ir-residenti qed iħossuhom ittraduti”.
Fl-istqarrija tiegħu is-Sindku qal hekk: “Ittradut nifhem biha li tkun imwiegħed xi ħaġa u jagħmlulek xi ħaġa agħar milli wegħduk. Jew ma jsemmulek xejn u jagħmlu xi ħaġa għad-detriment tiegħek. Naħseb li jekk qatt fil-politika Maltija kien hemm xi ħaġa konkreta li ġiet diskussa qabel in-nies marru jivvutaw kienet propju il-proposta ta’ power station ġdida taħdem bil-gass”.

Is-Sindku kompla billi appella lir-residenti Xlukkajri sabiex japprezzaw lil min qed jaħdem bis-serjeta’ biex ikollna ambjent aħjar.

Aktar kmieni:
Grupp ta’ residenti minn Marsaxlokk kitbu ittra anonima lill-Prim Ministru u lill-Ministru tal-Enerġija u l-Konservazzjoni tal-Ilma Konrad Mizzi b’akkużi li l-Partit Laburista tradijhom. Fl-ittra, ir-residenti jinsistu li l-ħażna tal-gass LNG fil-bajja f’Marsaxlokk se twassal għal traġedja.

Fl-ittra tagħhom, ir-residenti jgħidu li huma kuntenti bid-deċiżjoni tal-gvern li jikkonverti l-power station f’waħda tal-gass, anke minħabba l-fatt li huma stess ilhom jinsistu għal din il-bidla għal numru ta’ snin.
Ir-residenti qed jgħidu li l-wiegħda tal-Partit Laburista li jikkonverti l-power station f’waħda li tniġġes anqas, ikkonvinċiet lil ħafna jivvutaw lil dan il-partit. Fl-ittra, hemm miktub li l-gvern qed jonqos milli jikkunsidra siti oħra bħal Ħal Far u Hurds Bank. L-ittra tisħaq li ħadd ma jixtieq jixtri dar f’Marsaxlokk minħabba dan il-proġett.