Aġġornata: In-nirien taħt kontroll fuq il-vapur ‘Golden Star’ li kien qed iġorr il-kannabis

Il-Forzi Armati ta’ Malta flimkien mad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u b’kollaborazzjoni sħiħa mal-Guardia di Finanza Taljana għadhom qed jikkontrollaw nirien żgħar fuq il-bastiment merkantili ‘Golden Star’ wara li l-istess vapur ħa n-nar ilbieraħ filgħaxija. Il-vapur allegatament kien qiegħed iġorr mat-tletin tunnellata Kannabis. Bħalissa il-bastiment merkantili jinsab 16-il mil nawtiku ‘l barra mill-kosta Maltija. Membri tal-Forzi Armati abbord il-patrol boat P52 jinsabu abbord il-bastiment ‘Golden Star’ flimkien ma' ekwipaġġ tal-Gwardja tal-Kosta Taljana sabiex jipprovdu l-assitenza meħtieġa. Huwa mifhum li Transport Malta qiegħda ssegwi din is-sitwazzjoni mill-qrib.

Il-Bastiment huwa reġistrat mal-bandiera marittima tat-Tanzanija. Il-Forzi Armati ta’ Malta ġew infurmati bl-inċident tal-vapur permezz ta’ messaġġ ta’ emerġenza li wasal minn fuq il-vapur. Minn investigazzjoni preliminari irriżulta li l-vapur kien fil-bżonn ta’ għajnuna 30 mil nawtiku ‘l barra mil-kosta fit-Tramuntana ta’ Malta.

Immedjatament il-Forzi Armati bagħtu fuq il-post tliet vapuri marittimi u ħelikopter tal-għamla Alouette III. Il-Guardia di Finanza Taljana salvat lid-disa’ persuni li kienu abbord il-bastiment. Huwa mifhum li kien hemm numru ta’ vapuri tal-assistenza umanitarja involuti fl-eżercizzju ta’ salvataġġ fosthom il-vapur ‘Nos Taurus'.

L-eżerċizzju tat-tifi tan-nar għadu għaddej.