Aġġornament BOV: Il-ħidma kważi lura għan-normal

Il-Bank of Valletta ħabbar li l-ħidma tal-Bank kważi reġgħet lura għan-normal it-Tnejn hekk kif reġgħet fetħet is-servizz ta’ ħlas għall-pajjiżi li ma jużawx l-Ewro. Il-klijenti ġew avżati li dan issa jistgħu jagħmluh kemm mill-fergħat tal-bank kif ukoll mis-servizz tal-internet banking.

L-unika servizz li għadu ma ġiex riattivat huwa dak meta l-klijenti jiġu biex iħallsu flus f’dawk il-pajjiżi li mhumiex fiż-żona Ewro fl-istess ġurnata bil-valur tal-istess ġurnata.

Il-bank reġa’ fakkar kif l-attakk li sar fuq is-sistemi onlajn qed jiġi investigat mill-Qorti f’inkjesta maġisterjali u minħabba f’hekk il-bank ma jistax jagħti aktar dettalji dwar l-investigazzjonijiet.

Ħmistax ilu, il-BOV issospenda temporanjament l-operat tiegħu inkluż mill-fergħat madwar Malta u Għawdex, wara attentat malinn estern fuq is-sistemi tal-bank.

Qalu wkoll li dawk il-klijenti li jixtiequ aktar kjarifiċi jistgħu jagħmlu dan mal-bank fuq customercare@bov.com jew fuq + 35621312020.