Aġenzija Żgħażagħ tiftaħ studjow għall-artisti żgħażagħ

Aġenzija Żgħażagħ fetħet studjow biex ikun jista’ jintuża mill-artisti żgħażagħ biex jipprattikaw u jirrekordjaw id-diski tagħhom.
Dan infetaħ waqt il-preżentazzjonijiet ta’ premjijiet lir-rebbieħa tal-iskema Music Quest.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-żgħażagħ Clifton Grima faħħar l-impenn tal-Aġenzija Żgħażagħ li fi kliemu dejjem kienet proattiva u pjattaforma biex tressaq ’il quddiem u tippromwovi t-talenti taż-żgħażagħ Maltin.
L-inizjattiva Music Quest ġiet introdotta biex tappoġġja liż-żgħażagħ li qed jippruvaw isiru artisti fix-xena mużikali Maltija.
L-iskema hi maqsuma f’żewġ fażijiet.
L-ewwel fażi toffri assistenza liż-żgħażagħ f’diversi oqsma bħall-kitba tal-kanzunetti, apprezzament tal-mużika u organizzazzjoni ta’ workshops dwar is-suġġetti meħtieġa. Din l-assistenza tagħti lill-artisti u lill-bands l-għodda meħtieġa.
It-tieni fażi hi miftuħa għall-artisti u għall-gruppi żgħażagħ żgħar li jixtiequ jaġġornaw il-profil tagħhom tal-mużika.
Ir-rebbieħa ta’ Music Quest kien il-grupp The PlaKard Project bid-diska ‘Chilly Love’. Dan se jkun qed jibbenefika minn bosta opportunitajiet, fosthom għotja ta’ €1,000 biex jirrekordja d-diska, kif ukoll se jkollu ċ-ċans jesebixxi t-talent tiegħu fil-Farsons Beer Festival.

Ritratt: DOI – Jeremy Wonnacott