Aġenzija tal-kreditu tattribwixxi surplus anke mingħajr il-bejgħ tal-passaporti

L-aġenzija Dominion Bond Rating Service (DBRS) tat lil Malta r-rating A (Għoli) bi prospettivi stabbli. Dan hu l-aħjar rating li qatt ingħata lil Malta minn din l-aġenzija, u fir-rapport tal-aġenzija, qalet li Malta għandha s-surplus anke mingħajr il-bejgħ tal-passaporti.

L-esperti tad-DBRS qalu li l-prestazzjoni ekonomika riċenti ta’ Malta kienet eċċellenti, u li t-tkabbir fl-aħħar ħames snin kien aktar minn tliet darbiet il-medja ta’ bejn l-2004 u l-2012. Ir-rapport tad-DBRS jgħid li Malta sejra aħjar mir-rati medja tal-Unjoni Ewropea. L-aġenzija nnutat li l-ikbar tkabbir ġej minn investiment ogħla, aktar provvista ta’ xogħol u benefiċċji li jdumu iżjed igawdu minnhom in-nifs bħar-riforma tal-enerġija.

Aqra: Ekonomija f’saħħitha imma f’riskju għax żgħira – DBRS

Apparti dan, ir-rapport jgħid ukoll li Malta tjiebet b’mod sinifikanti fejn tidħol il-prestazzjoni fiskali tagħha. Dan billi defiċit medju ta’ 3.5% tal-ġid nazzjonali nbidel f’surpluses ta’ aktar minn 2%. Id-DBRS jgħidu li Malta għandha surplus anke jekk ma jingħaddx id-dħul mill- Programm tal-Investituri Individwali (IIP).

Ir-rapport jgħid li r-ratio tad-dejn pubbliku hu mistenni jibqa’ nieżel fis-snin li ġejjin. L-aġenzija DBRS saħqet li sa tmiem l-2018, il-Fond Nazzjonali għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali diġà kien laħaq 3.5% tal-ġid nazzjonali.

Aqra: DBRS tikkonferma r-rating ta’ “A” għal Malta bi prospett stabbli

Stqarrija tal-Gvern dwar dan tgħid li minkejja li xi wħud jattakkaw ir-reputazzjoni tas-sistema finanzjarja, skont l-esperti tad-DBRS, “the Maltese financial system remains sound” u “the government is pursuing strategic action to be implemented by 2020 to enhance its AML/CFT framework.” Ir-rapport laqa’ wkoll il-ħidma tal-Gvern “to improve the separation of powers and the independence of the judiciary”. Skont id-DBRS, “Malta has relatively sound public institutions”.

Aqra: Id-DBRS tħares pożittivament lejn il-qagħda finanzjarja f’Malta

Il-Gvern laqa’ dan iċ-ċertifikat u tenna r-rieda tiegħu biex iżid il-pass ta’ riformi biex il-qagħda ekonomika u soċjali f’Malta tissaħħaħ.