Aġenzija tal-Gvern tgħid li tħawlu 8,700 siġra fl-2019

Read in English.

L-Aġenzija tal-Gvern li hija responsabbli mill-iżvilupp, it-tiswija u l-bini tat-toroq f’Malta, Infrastructure Malta, qalet li tul is-sena li għaddiet tħawwlu aktar minn 8,700 siġra.

Fi stqarrija, ġie spjegat li din l-inizjattiva hija parti minn investiment ambjentali ta’ aktar minn €1 miljun li jinkludi wkoll programm fit-tul għall-kura u t-tisqija ta’ dawn is-siġar. Intqal li s-siġar indiġeni tħawwlu f’40 post fi 18-il lokalità madwar Malta. Infrastructure Malta spjegat li l-kuntratturi tal-aġenzija se jkomplu jsaqqu u jieħdu ħsieb dawn is-siġar għal diversi snin, taħt il-ħarsien ta’ arboristi u esperti oħrajn ambjentali, sakemm ikun żgurat li s-siġar ikunu adattaw ruħhom fl-ambjent ġdid tagħhom. F’każ li xi wħud minnhom ma jgħixux, Infrastructure Malta terġa’ tħawwel oħrajn flokhom.

L-arboristi ta’ Infrastructure Malta użaw varjetà ta’ madwar 30 speċi ta’ siġar indiġeni differenti għall-40 post fejn sar it-tħawwil. L-għażla saret skont il-kundizzjonijiet ambjentali differenti ta’ kull sit. Is-sigar li tħawlu kienu jinkludu bruka, żebbuġ, ċipress, ġummar safrani, deru, ballut, żnuber, rihan, għargħar (is-siġra nazzjonali) u ħarrub, fost oħrajn.

Kmieni s-sena li għaddiet, Infrastructure Malta stiednet lill-kunsilli lokali, għaqdiet mhux governattivi u entitajiet oħrajn biex jipproponu spazji pubbliċi fit-toroq u żoni oħrajn urbani kif ukoll rurali li setgħu jiġu msebbħin b’siġar ġodda. Wara li evalwaw il-proposti li saru, l-arboristi tal-aġenzija ħejjew pjanijiet fejn indikaw l-ammont ta’ siġar li għandhom jitħawlu u ta’ liema speċi huma l-iżjed adattati għal kull sit. Ix-xogħlijiet bdew fis-sajf u intensifikaw fl-aħħar kwart tas-sena, li huwa kkunsidrat bħala wieħed mill-aħjar żminijiet għat-tħawwil tas-siġar. F’uħud mil-lokalitajiet, qabel ma tħawlu s-siġar ġodda, Infrastructure Malta għamlet ukoll xogħlijiet strutturali u ta’ tindif biex tejbet il-kwalità tal-ħamrija.

L-aħħar ftit mijiet minn dawn is-siġar tħawlu f’Baħar iċ-Ċagħaq fl-inħawi tan-Naxxar u f’San Ġwann t’Għuxa fl-inħawi ta’ Bormla bejn il-Milied u Lejliet l-Ewwel tas-Sena.

Is-siġar tħawlu fi 18-il lokalità differenti, fosthom Ħ’Attard, Birkirkara, Birżebbuġa, Bormla, Ħad Dingli, Ħal Safi, il-Kalkara, Ħal Luqa, il-Marsa, il-Mosta, l-iMsida, in-Naxxar, Pembroke, Ħal Qormi, ir-Rabat, Santa Lucija, Ħaż-Żebbuġ u ż-Żejtun. Infrastructure Malta se tħawwel aktar siġar f’lokalitajiet oħra fix-xhur li ġejjin.