Aġenzija ġdida se tieħu post il-Kummissarju għar-Refuġjati

Aġenzija ġdida se tkun qed tieħu post l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati.

Fi stqarrija l-Ministeru għall-Intern qal li permezz ta’ Avviż Legali waqqaf l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali.

“L-għan ta’ din l-aġenzija, li fi żmien li ġej ser tieħu post l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati, huwa li teżamina talbiet għall-protezzjoni internazzjonali skont l-obbligi li għandha Malta f’dan il-qasam,” qal il-Ministeru.

“Il-Gvern Malti huwa determinat li jmexxi bl-aħjar mod is-sitwazzjoni tal-immigrazzjoni irregolari u l-ażil f’pajjiżna. L-istrutturi li jaħdmu f’dan il-qasam iridu jkunu sodi biżżejjed sabiex is-sitwazzjoni tkun waħda organizzata u taħt kontroll.

“Id-deċiżjoni li titwaqqaf l-Aġenzija għall-Protezzjoni Internazzjonali ttieħdet sabiex il-pajjiż ikollu sistemi effettivi kif jiġu proċessati applikazzjonijiet għall-ażil bl-aħjar mod u mingħajr dewmien eċċessiv. Dan ifisser li filwaqt li l-pajjiż ser jibqa’ jaqdi l-obbligi tiegħu li jagħti protezzjoni lil min għandu bżonnha, jittieħdu d-deċiżjonijet meħtieġa u fil-ħin fejn jidħlu dawk il-persuni li ma ħaqqhomx ażil u allura jkunu suġġetti li jiġu rritornati lejn il-pajjiż tal-oriġinu,” spjega l-Ministeru.

Intqal li l-aġenzija se tingħata l-għodda neċessarja biex taħdem, l-aktar bis-saħħa ta’ investiment fir-riżorsi umani u permezz ta’ uffiċini ġodda u aktar adegwati għall-ħaddiema bil-għan li jaħdmu f’ambjent aħjar.

Skont il-Ministeru, l-istrateġija tal-Gvern f’dan il-qasam hija li Malta tagħti s-sehem tagħha f’din l-isfida dinjija mingħajr ma jitpoġġa piż sproporzjonat fuq il-pajjiż.