“L-ERA xi kultant ma għandhiex snien biżżejjed”

Il-Gvern qed jippjana li jniedi awtorità ġdida fil-qasam tal-ambjent b’mod li timmaniġġja siti ambjentali mifruxa madwar il-pajjiż.
Dan qalu l-Ministru għall-Ambjent Jose Herrera waqt dibattitu fil-Parlament dwar l-Estimi ta’ Dħul u Nfiq tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).

Ħidma ta' afforestazzjoni f'diversi siti Natura 2000
Dr Herrera qal li l-awtorità għandha tkun immudellata fuq Heritage Malta, u kif din timmaniġġja siti storiċi u arkeoloġiċi, l-awtorità l-ġdida se tkun timmaniġġja siti ambjentali.
Huwa indika li l-Awtorità l-ġdida se tkun tissejjaħ ‘Ambjent Malta’ u se tkun qed tħaddan fost l-oħrajn dawk li huma d-dipartimenti tal-Parks u dak dwar l-Immaniġjar tal-Widien. Din għandha tikkumplimenta l-ERA li tibqa’ regolatur.
Il-Ministru għall-Ambjent semma diversi pjani li l-Gvern għandu għall-futur qrib b’rabta ma’ siti Natura 2000. Semma fost l-oħrajn proġett ta’ afforestazzjoni fuq Kemmuna u fil-Ballut ta’ Marsaxlokk fejn il-Gvern qed jippjana li jitħawlu siġar u arbuxxelli skont il-Pjani ta’ Ġestjoni ta’ dawn is-siti. Ħidmiet oħra mistennija jinkludu ħidma għar-riġenerazzjoni tal-Magħluq ta’ Marsascala billi jittejjeb l-istat tal-ilma u tisħiħ tal-popolazzjoni tal-bużaqq. Qal ukoll li l-ERA se tkun qed toħroġ linjigwida dwar l-użu tal-bajjiet biex jitnaqqas l-impatt ambjentali ta’ dawn l-użi.
Fost ħidmiet li qal li twettqu semma mapep ġodda tal-ħsejjes f’Malta, tisħiħ tal-moniteraġġ tal-arja u tal-ambjent urban, riġenerazzjoni tal-Għadira s-Safra fil-Mellieħa, tnissil f’akwarju tal-ħuta indiġena tal-bużaqq u tħawwil ta’ siġar f’Xrobb l-Għaġin. 

"In-nuqqas ta' deċiżjoni qed taffettwa l-industrija u lin-nies"
Il-Kelliem Nazzjonalista għall-Ambjent Karol Aquilina kkritika n-nuqqas ta’ deċiżjoni tal-Awtorità tal-Ippjanar dwar ir-rilokazzjoni tal-irziezet tal-ħut. Huwa qal li dan it-titubar qed jolqot ħażin l-industrija tal-akwakultura li tħaddem mijiet ta’ persuni u tiġġenera miljuni ta’ ewro fi dħul. Huwa qal li kellha tittieħed tiġi stabbilita żona ġdida għall-akwakultura fil-grigal ta’ Malta sal-aħħar ta’ Mejju , iżda sa llum għad ma hemmx deċiżjoni. Sostna li l-operaturi jridu jimxu mal-ftehim mal-ERA li jirilokaw, iżda sa llum ma jistgħux u dan b’detriment għall-istess industrija kif ukoll għal dawk affettwati minn fejn jinsabu llum dawk l-irziezet tal-ħut. Fi tweġiba, il-Ministru Herrera qal li l-ERA se tkun qed toħroġ permess fil-futur immedjat.
Dr Aquilina awgura wkoll għal iżjed ħidma flimkien bejn il-Kunsilli Lokali u l-ERA biex jopponi proġetti kontroversjali li t-tnejn ma jaqblux magħhom. Sostna li l-kunsilli għandhom riżorsi limitati li ma spiss, fin-nuqqas ta’ interess personali ta’ xi individwi, ma jwasslux biex joffru oġġezzjoni kif imiss. Appella wkoll għal iktar kampanji ta’ informazzjoni biex jisseddaq l-għarfien dwar il-ERA. Sostna li biex din tkun effettiva trid tkun household name b’mod li jekk xi ħadd isemmi l-ambjent jew kwistjoni ambjentali, l-ħsieb itir mal-l-ewwel fl-ERA.

“L-ERA jew ma għandiex biex taħdem jew mhux qed titħalla taħdem”
Il-Kap tal-Partit Demokratiku Marlene Farrugia qalet li bosta żviluppi approvati fl-aħħar snin juru li l-ERA “jew ma għandiex biex taħdem jew mhux qed titħalla taħdem”. Qalet li jeħtieġ li din l-awtorità ma għandiex biss tiġi rikonoxxuta għar-rwol tagħha biex jitħares il-wirt ambjentali u kulturali iżda teħtieġ iktar saħħa, impjegati u riżorsi. Dawn, sostniet, huma meħtieġa biex isir tassew ippjanar fit-tul bil-għan li jkunu evitati “żbalji li l-impatt tagħhom huma irriversibbli u jwassal għall-qerda tal-wirt ta’ pajjiżna”. Dr Godfrey Farrugia, Deputat tal-istess partit, ikkundanna in-nuqqas ta' azzjoni tal-ERA fuq l-approvazzjoni tat-torrijiet tal-Imrieħel. Dan hekk kif, minkejja l-oġġezzjoni oriġinali tagħha, ma appellatx mid-deċiżjoni finali tal-Awtorità tal-Ippjanar.
Fi tweġiba il-Ministru Herrera, waqt li spjega li l-ERA u l-Awtorità tal-Ippjanar għandhom prijoritajiet differenti irrikonoxxa li l-ERA "xi kultant ma għandiex snien biżżejjed". Huwa qal li dan mhux b'mod kapriċċuż, iżda għaliex din l-aġenzija għadha qed issaħħaħ lilha nnifisha. Huwa saħaq dwar il-ħtieġa ta' bilanċ bejn prijoritajiet ambjentali u prijoritajiet ekonomiċi oħra, kif ukoll li d-dibattitu dwar l-ambjent ma jkunx maħkum minn pożizzjonijiet estremi.