Aġenti taċ-ċittadinanza Maltija jiftaħru b’rabtiet mal-Gvern

Enquête exclusive

Read in English.

Filmat b’kamera moħbija, juri żewġ aġenti Maltin tal-bejgħ taċ-ċittadinanza jiftaħru dwar ir-relazzjoni tagħhom ma’ ministri tal-Gvern. Fil-programm investigattiv Franċiż bl-isem Enquête exclusive li xxandar ilbieraħ, l-aġent Malti ftaħar bil-ħbiberija tiegħu mal-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza Julia Farrugia Portelli.

Ġurnalist Franċiż jagħmilha ta’ rappreżentant ta’ klijenti Afrikani li jixtiequ jixtru l-passaport Malti. Il-klijent li taparsi qed jirrappreżenta l-ġurnalist jaf għandu passat kriminali. L-aġent jgħid lill-ġurnalist li f’dan il-każ huwa jgħid lill-ministru li b’iktar informazzjoni se jkollu idea tajba tad-dossier tal-klijent. B’dan il-mod l-applikazzjoni għaċ-ċittadinanza ma tiġix miċħuda.

Il-ministri kkonċernati kollha qalu mal-ġurnalisti tal-programm li huma qatt ma indaħħlu f’dossiers ta’ klijenti li qed ifittxu biex jixtru ċ-ċittadinanza Maltija. L-avukat involut ċaħad akkużi li jista’ jkun qed juża l-influwenza tiegħu biex jikseb xi ħaġa.

L-identità taż-żewġ aġenti ma kinitx żvelata u wiċċhom kien imċajpar. Iktar tard fil-filmat iżda jidher il-logo tad-ditta legali.

Fil-biċċa dwar il-bejgħ tal-passaporti, l-aġent ta’ Chetcuti Cauchi Advocates jgħid li s-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli hi ħabiba tal-mara tiegħu minn meta kienu tfal. L-iskema taċ-ċittadinanza taqa’ taħt is-Segretarjat li tmexxi Farrugia Portelli. Huwa żied jgħid li huwa tajjeb li jkollok il-mara bi ħbieb simili.

L-aġent jidher ukoll jiftħar bil-ħbiberija tiegħu ma’ Muscat. Huwa żied jgħid li missieru kien iwassalhom l-iskola filwaqt li huma kienu jkunu mistiedna l-festini ta’ xulxin.

Issemma’ wkoll l-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici li għamel xi żmien jaħdem ma’ din id-ditta legali.

Sospiżi l-liċenzji ta’ Chetcuti Cauchi Advisors Ltd

Fuq is-sit tal-Individual Investors Programme tħabbar li l-liċenzji tal-aġenti ta’ Chetcuti Cauchi Advisors Ltd ġew sospiżi. Huma kellhom il-liċenzji IIP 001 and IIP 124.