“Agatha Barbara kienet, għadha u tibqa’ eżempju għal kulħadd”

L-attriċi Taljana Isabel Russinova, li aktar kmieni din is-sena tellgħet monologu fit-Teatru Belli f’Ruma bl-isem ta’ Agatha, qalet li “Agatha Barbara kienet, għadha u tibqa’ eżempju għal kulħadd.”
F’serata kommemorattiva bit-tema Agatha – F’Għajnejn l-Istorja, Russinova ddeskriviet lil Barbara bħala mara ta’ kuraġġ u determinazzjoni kbira.
Qalet li Agatha Barbara kellha muntanja kbira quddiemha, imma għamlet minn kollox biex tilħaq il-quċċata.
Tkellem ukoll id-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Toni Abela li qal li Barbara għamlet ġid kbir għall-ulied Maltin, anke jekk hi ma kellhiex ulied.
Saħaq li l-eks President tat it-tagħlim lill-batut u lill-fqir, li għamlet riformi kbar u li kienet tkun ta’ inkoraġġiment għal ħaddieħor.
Min-naħa tagħha mart il-Prim Ministru Michelle Muscat qalet li “bħal ma Agatha Barbara ma beżgħetx tbiddel u llum qed ingawdu t-tibdil li wettqet, aħna mhux se nibżgħu nbiddlu fl-aħjar interess tal-familji.”
Semmiet il-liġi tal-IVF f’Malta u qalet li hemm bżonn li din tinbidel għall-ġid tal-familji.
Fi tmiem is-serata, infetħet wirja fil-Mużew tal-Arkeoloġija b’rabta mal-eks-President Emeritu li se ddum miftuħa għal ġimagħtejn li ġejjin.