Affettwata l-ħidma f’Mater Dei; ħafna persuni bl-influwenza

L-isptar Mater Dei ħabbar li se jkun hemm bidliet biex iż-żieda fin-numru ta’ pazjenti bl-influwenza qalila jkunu ttrattati bl-aħjar mod.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei Ivan Falzon spjega fi stqarrija li f’dawn l-aħħar 48 siegħa l-isptar Mater Dei kien qed jaffaċċja sfidi konsiderevoli kkawżati minn numri kbar ta’ pazjenti li talbu l-assistenza u kellhom jinżammu fl-isptar għall-kura.
Dan ġie kkawżat minħabba l-influwenza qalila ta’ din is-sena.
Għaldaqstant wara li l-amministrazzjoni tal-isptar tkellmet ma’ numru ta’ professjonisti u esperti fil-qasam ġie deċiż li ċertu żoni li jintużaw għall-Outpatients jinqalbu temporanjament għal dawk li għandhom bżonn iqattgħu ljieli fl-isptar.
Intant, l-isptar ħabbar ukoll li numru ta’ interventi mhux kritiċi se jiġu posposti għal data oħra filwaqt li assigura li interventi relatati ma’ kanċer jew oħrajn fejn intervent fil-ħin ikunu kritiċi għas-saħħa tal-pazjent se jkomplu għaddejjin normali.
L-amministrazzjoni tal-isptar appellat biex il-pazjenti jużaw is-servizz tal-emerġenza b’mod responsabbli għal benefiċċju tal-pazjenti li verament ikollhom bżonnu.
Fl-istqarrija, il-Kap Eżekuttiv spjega li dawn il-miżuri se jgħinu lill-isptar jaffaċċja l-isfidi li din ix-xitwa, speċjalment bl-influwenza ta’ bħalissa, filwaqt li skuża ruħu għall-inkonvenjent li dawn il-miżuri jistgħu jħallu fuq pazjenti milquta.
Irringrazzja wkoll lill-ħaddiema kollha tax-xogħol dedikat għal benefiċċju tal-pazjenti.