Filmat: Adrian Delia uffiċjalment kandidat fl-elezzjoni għal Kap tal-PN

Read in English.

Adrian Delia huwa uffiċjalment kandidat fl-elezzjoni għal Kap tal-Partit Nazzjonalista wara li l-Kummissjoni vverifikat in-nomina tiegħu.

Fi stqarrija ffirmata minn Peter Fenech, iċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali tal-PN, il-Partit Nazzjonalista spjega li llum, il-Kummissjoni Elettorali rċeviet in-nomina ta’ Delia għall-kariga ta’ Kap tal-PN.

Din in-nomina ngħatat liċ-Chairperson tal-Kummissjoni Elettorali u ġiet ivverifikata mill-uffiċjali tal-Kummissjoni u wara li ġiet ikkonfermata bħala waħda valida, il-Kummissjoni infurmat lil Dr Delia li laqgħet in-nomina tiegħu u li ġie uffiċjalment iddkjarat bħala kandidat fl-elezzjoni f’din il-kariga.

Fuq Facebook Delia kiteb li 1,643 persuna appoġġjaw in-nomina tiegħu, u dan hu erba’ darbiet aktar minn tliet snin ilu, meta ġie elett Kap tal-Partit Nazzjonalista.

Il-Kummissjoni Elettorali għadha kif aċċettat in-nomina tiegħi għall-elezzjoni ta' Kap tal-Partit Nazzjonalista. 1,643…

Posted by Adrian Delia on Friday, September 18, 2020

Tlett ijiem ilu, Bernard Grech ġie kkonfermat bħala l-kandidat l-ieħor f’din l-elezzjoni li se ssir fit-3 t’Ottubru.

Delia ressaq mozzjoni lill-Kunsill Amministrattiv biex ir-rapport tad-due diligence li sar fuqu u fuq Bernard Grech jiġi ppubblikat. Ilbieraħ intlaqgħet din il-mozzjoni u r-rapport ġie ppubblikat fl-intier tiegħu.

Taqbel li Adrian Delia jsir Kap tal-PN?

Ikkummenta hawn taħt jew ibagħtilna fuq info@newsbook.com.mt