$40 miljun misruqa minn ħalq ħaddiema Maltin – Delia

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li l-ħaddiema Maltin insterqu $40 miljun mill-kuntratt tal-power station il-ġdida.
F’kollegament telefoniku fuq ir-radju tal-Partit Nazzjonalista, Delia tkellem dwar l-istejjer ippubblikati minn The Daphne Project. Qal li din iċ-ċifra hija għal sena waħda u qal li l-istess serq se jkompli jseħħ għall-18-il sena. Qal li dawn il-flus qed jinsterqu mill-ħaddiema Maltin.
Qal li l-Gvern għandu jispjega u jiġġustifika fejn marru l-$40 miljun filwaqt li spjega li l-kritika tal-Partit Nazzjonalista se tibda tkun biex jerġgħu jinġiebu l-flus lura li nsterqu.
Dwar l-isptarijiet, Adrian Delia qal li l-PN irrid li jwaqqa’ l-kuntratt tal-Vitals u jġib lura l-isptarijiet pubbliċi għall-Maltin u l-Għawdxin.
Dmiri li nimxi man-nies kontra Gvern korrott
Delia qal li se jkun qed jipparteċipa fil-protesta li qed tkun organizzata mill-gruppi tas-soċjetà ċivili Awturi u Occupy Justice.
Delia qal li l-Gvern qed jipprova joqtol u joħnoq id-demokrazija u kien għalhekk li ħassu fid-dmir li jkun man-nies jipprotesta kontra dak li sejjaħlu “Gvern korrott”.
Fil-kummenti tiegħu, Delia spjega li għalkemm qiegħed Għawdex mal-familja, se jirritorna minn Għawdex kmieni biex ikun fil-Belt Valletta u jkun qrib in-nies.
Sostna li hu mhux se jibża’ mit-theddid u qal li l-Gvern li jisma’ jeħtieġ li jibda jwettaq.
L-1 ta’ Mejju għall-Partit Nazzjonalista
Il-messaġġ tal-Partit Nazzjonalista għal din is-sena se jkun iffukat fuq il-ħaddiema. Adrian Delia qal li “xogħol hawn iżda l-ħaddiem qed ikollu jaħdem ferm aktar minn erbgħin siegħa”. Semma li l-Maltin qed ikollhom jaħdmu 50, 60 jew 70 siegħa biex ilaħħaq ma’ dik li sejħilha “l-ħajja moderna tal-lum”.
Qal li f’Malta hawn partit wieħed li jisma’ lill-ħaddiema u dan huwa l-Partit Nazzjonalista. Spjega li din se tkun festa fejn il-Partit Nazzjonalista se jagħti sostenn lil min hu l-aktar dgħajjef.
Semma d-diskrepanza bejn il-prezz tas-suq u dak li qed jigwadanja l-ħaddiem.
Adrian Delia qal dan meta mistoqsi dwar is-surplus fejn reġa’ saħaq li l-ippjanar fl-oqsma industrijali mhux qed isir mill-Gvern preżenti.
Fakkar fil-ħaddiema li qed ikollhom jaħdmu sigħat overtime biex ilaħqu mal-ħajja għax bir-rata ta’ siegħat li jaħdmu ma jkunux ilaħqu mal-ħajja.
L-1 ta’ Mejju jfisser ukoll id-dħul ta’ Malta fl-Ewropa. Semma l-vantaġġi tal-Unjoni Ewropea għal Malta fosthom il-munita Ewro.
"Nuqqas ta’ ippjanar mill-Gvern Laburista"
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern Laburista huwa Gvern tal-konvenjenza. Semma kif il-Prim Ministru Joseph Muscat, “ftit snin ilu jgħid li hemm bżonn il-pushbacks u fl-aħħar ġranet jinsisti mal-Maltin li hemm bżonn il-barrinin biex ikomplu mal-ekonomija li qed tikber”.
Qal li dan huwa nuqqas ta’ ippjanar mill-Gvern Laburista għax kien konvenjenti għall-Prim Ministru li jgħid mod u ftit wara jagħmel mod ieħor
Għalliema, Studenti u Kirjiet
Dwar l-għalliema, Delia qal li l-Gvern ma jimpurtahx mill-għalliema. Qal li ma hemmx biżżejjed studenti biex isiru għalliema. Tkellem ukoll dwar il-ħajja tal-istudenti li qed tkun diffiċli biex dawn ilaħqu mal-ispejjeż.
Semma wkoll il-kirjiet tal-appartamenti u qal li huma fost l-ogħla fl-Ewropa u qed jiżdiedu bl-ikbar rata fl-Ewropa. Kien għalhekk li qal li l-Partit Nazzjonalista se jaħdem biex iż-żgħażagħ ikomplu jistudjaw u jkomplu fl-edukazzjoni.
Sostna li ma hemmx ippjanar, filwaqt li saħaq li “ma nafux jekk Malta tridx issir bħal Ibiza mimlija barranin, qisna xi aircraft carrier f’port fejn il-barranin jagħmlu sentejn u jitilqu”.
Temm jgħid li hemm bżonn ippjanar fit-tul u naraw x’se jkun ifisser il-futur taż-żgħażagħ.