Adrian Delia se jiftaħ it-tielet libell lil DCG

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħabbar li se jiftaħ libell ieħor fil-konfront tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. 
Spjega li l-libell se jkun dwar l-allegazzjoni li l-kont tal-bank li għandu f’Jersey fir-Renju Unit, u li mal-14-il sena ilu kien irċieva fih somom kbar ta’ flus minn prostituzzjoni f’Soho, huwa rreġistrat taħt Marco Barbara, ix-xufier tal-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona.
F’konferenza tal-aħbarijiet fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista f’Birkirkara, Dr Delia sfida lil Caruana Galizia biex turi l-provi tal-allegazzjonijiet. Żied jgħid li mhux vera huwa kien l-Università fil-kors mal-Ministru Chris Cardona jew fil-Kulleġġ ta’ San Alwiġi. Spjega li bejniethom hemm tliet snin u għalhekk qatt ma kienu fl-istess klassi.
Saħaq li mhux veru kellu negozju ma’ Marco Barbara u ċaħad li kien miegħu fil-kumitat tal-futbol ta’ Birkirkara. Innega wkoll li ltaqa’ ma’ Frank Mifsud u li kellu xi laqgħat miegħu. Skont Caruana Galizia, Mifsud mexxa organizzazzjoni kriminali f’Soho.
Huwa tenna li Caruana Galizia taf li l-istejjer li ħarġet huma relatati ma’ servizz legali li kien jagħti lill-klijenti tiegħu 20 sena ilu. Saħaq li kull avukat huwa marbut bis-sigriet professjonali.
Adrian Delia saħaq li ma bbenefika minn ebda kirja ta’ proprjetajiet fl-Ingilterra kif allegat Caruana Galizia. Spjega li din il-proprjetà li kienet mikrija minn klijent tiegħu u li l-istess klijent kiser klawżola fil-kuntratt li l-bini ma jistax jintuża għal raġunijiet illeċiti.
Sostna li hu qatt ma ħasel flus għax fi kliemu hu kien jagħti biss servizzi legali.
Huwa ċaħad ukoll l-istqarrijiet ta’ Caruana Galizia li ltaqa’ mad-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis ftit qabel ma tefa’ n-nomina tiegħu u li neggozja fid-droga.
Dr Delia sostna li dan hu attent ċar biex tinfluwenza proċess elettorali ieħor, kif għamlet fix-xhur mgħoddija, u li wasslet biex il-PN iġarrab telfa, li fi kliemu hija l-agħar fl-istorja tal-PN. Tenna li l-għażla hija ċara għal min irid mod ġdid u mhux politika maħmuġa.
Huwa qal li Caruana Galizia ma weġbitx għall-istedina tiegħu, biex tressaq il-provi u jiddiskutu flimkien l-allegazzjonijiet li għamlet. Qal li lanqas it-tmexxija tal-PN ma kellha d-diċenza tibgħat għalih biex tivverifika l-affarijiet, u lanqas ma wriet solidarjetà miegħu.