Filmat: Delia mhux se jingħata kopja tal-inkjesta Egrant; se jappella

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia mhux se jingħata kopja tal-inkjesta Egrant, wara li l-Qorti Kostituzzjonali m’aċċettatx it-talba tieġħu. Madanakollu, Dr Delia se jkun qed jinsisti mal-Qorti tal-Appell biex l-appell tiegħu jinstema’ b’mod urġenti.

Dalgħodu, l-Imħallef Robert Mangion qara s-sentenza li spjegat li bħala Kap tal-Opożizzjoni, Delia għandu jkollu l-obbligu li jservi ta’ watchdog fuq il-Gvern. Stqarr li minkejja dan, għalkemm in-natura tal-informazzjoni tissodisfa t-test tal-interess pubbliku, ir-rapport tal-inkjesta maġisterjali ma jissodisfax dan it-test. Delia saħaq li dan ifisser li dak li argumenta l-Avukat Ġenerali ma ġiex aċċettat mill-Qorti.

L-Avukat Ġenerali jippubblika s-sentenza

L-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali aktar tard ippubblika s-sentenza mogħtija dalgħodu mill-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili fil-kawża li saret kontra l-Avukat Ġenerali mill-Kap tal-
Oppożizzjoni, biex jingħata kopja sħiħa tar-rapport tal-Inkjesta Maġisterjali u biex tiġi pubblikata kopja tal-atti tal-istess inkjesta (Aqra s-sentenza hawn taħt)

Il-Kap Nazzjonalista mistenni jappella

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Delia mistenni jappella għax tenna li huwa xogħol l-Oppożizzjoni li jservi d-dritt tal-informazzjoni u interess pubbliku. Huwa sostna li għamel talba speċifika għall-urġenza.

Għal mistoqsija dwar jekk jaħsibx li l-konklużjonijiet tar-rapport huma ċari, Delia qal li jitkellmu waħedhom, ħlief li r-rapport sħiħ mhux pubbliku, u li nħoloq żbilanċ ta’ poter. Huwa sostna wkoll li kieku m’għandux fiduċja fil-Qorti, mhux se jaħdem biex joħroġ ir-rapport billi jappella.

Il-każ beda disa’ xhur ilu meta Delia daħħal applikazzjoni kostituzzjonali jitlob għal kopja tal-inkjesta. L-Avukat Ġenerali Peter Grech kien ippubblika biss 49 paġna minn 1,400, hekk kif qal li l-inkjesta tinkludi ħafna dettalji privati li jaf twaqqaf investigazzjonijiet oħra.

Aqra s-sentenza hawn

“Muscat għandu jieqaf jilgħabha tal-vittma” – Busuttil

L-Eks Kap Nazzjonalista Simon Busuttil qal fi tweet, li wasal iż-żmien li l-Prim Ministru jieqaf jilgħabha tal-vittma dwar l-inkjesta Egrant. Tenna li f’għajnejh m’hemm xejn ħażin li wieħed ikollu kumpanija l-Panama, għax li kieku kien il-każ ilu li telaq ma’ membri tal-kabinett l-aktar qrib tiegħu. Appellalu mill-ġdid biex jippubblika r-rapport u jħalli lill-poplu jiddeċiedi.

“Wasal iż-żmien li trrfa’ r-responsabbilità” – Zammit Lewis lil Busuttil

Il-Membru Parlamentari Laburista Edward Zammit Lewis wieġeb lil Busuttil fi tweet, u qallu li wasal iż-żmien li Busuttil jerfa’ r-responsabbiltà sħiħa, għal dik li sejjaħ bħala l-ikbar gidba fl-istorja politika Malta. Qallu wkoll li wasal iż-żmien li hu jirrispetta l-istituzzjonijiet fosthom ir-rispett lejn il-liġi (Is-Saltna tad-Dritt).

AQRA: Filmat: Inkjesta Egrant: Jakkużaw lill-AĠ li qed jipproteġi lill-PM

AQRA: Inkjesta Egrant: Ippreżentata l-evidenza kollha dwar il-każ