Delia għandu jibqa’ minkejja li tilef l-appoġġ tal-maġġoranza – Il-President

Il-President George Vella ħareġ stqarrija li fiha qal li Adrian Delia m’għandux jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni minkejja li “tilef l-appoġġ tal-maġġoranza tal-Membri Parlamentari tal-Partit fl-Oppożizzjoni li għandu l-akbar forza numerika fil-Kamra tar-Rappreżentanti”.

L-istqarrija tkompli tgħid, “Għalhekk din id-deċiżjoni għalissa twaqqaf id-diskussjoni dwar min għandu jew għandha, jiġi jew tiġi maħtur jew maħtura bħala l-Kap il-ġdid tal-Oppożizzjoni, inkluż il-proposta tal-Membri Parlamentari fl-Oppożizzjoni li naħtar lil Therese Comodini Cachia bħala Kap tal-Oppożizzjoni, filwaqt li ma toħnoqx li titkompla diskussjoni sana dwar x’miżuri jistgħu jittieħdu biex din is-sitwazzjoni tikkoreġi ruħha.”

11 favur, 16 kontra, wieħed jastjeni

Fid-dikjarazzjoni tiegħu, il-President spjega illi ltaqa’ ma’ 25 Membru Parlamentari mill-Oppożizzjoni, tlieta oħra kellimhom bit-telefown peress li tnejn kienu msefrin, u ieħor b’rispett lejn l-istat ta’ saħħtu. Mit-28 membru fl-Oppożizzjoni, 16 iddikjaraw li m’għadx għandhom fiduċja f’Delia bħala Kap, filwaqt li 11-il persuna esprimew il-fiduċja tagħhom fih. Membru parlamentari wieħed iddeċieda li jastjeni.

Ftit qabel daħal fil-Parlament waranofsinhar, Dr Delia qal li l-President kien għadu ma kellmux, iżda qal li kienu 16-il persuna, mhux 17, li esprimew sfiduċja fih fil-vot li ttieħed il-ġimgħa li għaddiet.

“Il-Kap tal-Oppożizzjoni għandu jkun il-Kap tal-akbar partit fl-Oppożizzjoni”

Il-President fiehem li skont il-Kostituzzjoni, it-titlu ta’ Kap tal-Oppożizzjoni għandu jingħata lill-Kap tal-Partit li jkollu l-akbar forza numerika ta’ membri fl-Oppożizzjoni għall-Gvern.

Issokta jgħid li, “Hi x’inhi l-interpretazzjoni ta’ dan is-subartikolu minn esperti kostituzzjonali, żgur li fil-każ preżenti, jekk jiġi deċiż li l-Kap tal-Oppożizzjoni preżenti jiġi mneħħi mill-kariga, minkejja li jkun għadu fil-fatt Kap tal-Partit tiegħu, kif imsemmi f’dan is-subartikolu, ikun diffiċli, jekk mhux impossibbli, għalih li jisfruwixxi minn dan il-provvediment. Jekk il-Kap tal-Oppożizzjoni jitneħħa mill-kariga bis-saħħa tal-Art 90 (4), u immedjatament, jew aktar tard, jiġi maħtur mill-ġdid Kap tal-Oppożizzjoni bis-saħħa tal-Artikolu 90 (2), u ċ-ċirkostanzi ma jkunux inbidlu, tkun qiegħda tinħoloq sitwazzjoni anomala li żgur mhux dak li tixtieq il-Kostituzzjoni, u lanqas ma jkun fl-ispirtu tal-kostituzzjoni. Artikoli u subartikoli fil-Kostituzzjoni, u aktar u aktar fl-istess kapitolu, u fl-istess artikolu, mhumiex intiżi u lanqas mistennija li jikkontradixxu lil xulxin fit-twettiq tagħhom.”

B’rabta man-nomina ta’ Therese Comodini Cachia, il-President qal, “Il-kunsiderazzjoni li xi ħadd ieħor, f’dan il-każ membru li jkun sar il-Kap fil-Kamra tal-Partit tal-Oppożizzjoni li jkollu l-akbar forza numerika fil-Kamra, u li jkollu l-appoġġ tal-akbar grupp singlu ta’ membri f’oppożizzjoni għall-Gvern, imma li ma jkunx il-Kap tal-Partit tal-Oppożizzjoni, ukoll issib diffikultajiet, għaliex filwaqt li n-nomina mill-ġdid ta’ Kap tal-Oppożizzjoni li jkun għadu kemm tneħħa tmur kontra l-ispirtu tal-kostituzzjoni, din l-għażla tmur manifestament kontra l-kelma u l-ittra tal-kostituzzjoni. Jidher ċar li din is-sitwazzjoni toħloq imblokk legali u kostituzzjonali.”

Il-President jinvoka n-neċessità li l-Parlament ma jistaġnax

Spjega li d-dilemma qiegħda bejn li wieħed jimxi mal-kelma tal-Kostituzzjoni u joħloq sitwazzjoni li tmur kontra l-Kostituzzjoni, jew li jikkunsidra s-sitwazzjoni preżenti bħala waħda speċjali u jaddotta miżuri speċjali.

Għalhekk, il-President għażel li Adrian Delia jżomm il-kariga ta’ Kap tal-Oppożizzjoni minkejja li tilef l-appoġġ tal-akbar grupp ta’ membri parlamentari f’oppożizzjoni għall-Gvern, sabiex l-irwol ta’ Kap tal-Oppożizzjoni ma jibqax vakanti.

Huwa temm jgħid li każijiet speċjali bħal dan jimmeritaw trattament speċjali fejn jista’ jiġi invokat il-Prinċipju ta’ Neċessità, u din in-neċessità hija li jkun hemm kontinwità fis-sistema parlamentari, u din, skont il-President, tiġġustifika l-bżonn li wieħed jitlaq mill-kelma miktuba tal-Kostituzzjoni.

L-aħħar kliem tal-President kien, “Jiena konxju u nħoss l-obbligu u r-responsabbiltà li nħares l-istabbiltà u l-kontinwità fil-pajjiż.”