Filmat: Adrian Delia ma aċċetta l-ebda riżenja sa issa

Read in English.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia ħabbar li għadu ma aċċetta l-ebda riżenja sa issa. Huwa qal dan kemm fl-intervista ta’ Xarabank ilbieraħ u anki dalgħodu f’intervista fuq Net FM.

Huwa rrefera għall-ittri ta’ riżenji li rċieva din il-ġimgħa inkluż tal-President tal-Kunsill Ġenerali Kristy Debono, tal-Viċi Kap tal-PN Robert Arrigo u tas-Segretarju Ġenerali Clyde Puli, li huwa meqjus bħala wieħed mill-eqreb kollaboraturi ta’ Adrian Delia.

Huwa qal li rċieva l-ittri dettaljati tar-riżenji tagħhom u fil-jiem li ġejjin se jieħu d-deċiżjoni tiegħu dwarhom.

Adrian Delia qal li dalgħodu għamel kuntatt ma’ Louis Galea u appellalu biex ir-riforma radikali trid isseħħ sa Marzu għaliex stqarr li hemm urġenza li ssir. Qal li fejn hemm bżonn indaħlu demm ġdid indaħħluh iżda r-riforma ma tridx issir biss fuq l-istatut iżda anki fil-komunikazzjoni tal-Partit.

Dwar il-kriżi li jinsab fiha l-Partit Nazzjonalista bħalissa, Adrian Delia stqarr li “jekk m’hemmx abbiltà fil-PN li l-partitarji jingħaqdu wara kap wieħed is-sitwazzjoni tiġi agħar”.

Spjega li r-ruħ tal-partit ma tinstabx fl-istatut jew fid-dikjarazzjoni tad-deputati iżda huma n-nies li jagħmlu r-ruħ tal-partit għaliex sostna li huma s-“sidien tal-partit”. Qal li jekk hemm bżonn issir rivoluzzjoni fil-PN, l-akbar rivoluzzjoni skont Delia hija l-bidla fil-mentalità. Fisser li huma bħala politiċi qiegħdin hemm biex jaraw li jagħmlu l-ħajja tan-nies aħjar.

Huwa semma għadd ta’ oqsma tal-politika li jixtieq li l-Partit Nazzjonalista jinvesti aktar ħin fuqhom, fosthom il-pensjonijiet, l-ambjent u x-xogħol dinjituż.

Dwar il-finanzi personali u l-allegazzjoni li baqa’ Kap tal-Partit minħabba s-salarju mill-Parlament, Delia qal li fis-settur privat huwa kien jaqla’ bil-bosta aktar flus.

Huwa wieġeb ukoll dwar l-allegazzjonijiet dwar Soho f’Londra li kien jirċievi xi flus mill-ħasil tal-flus ġej mill-prostituzzjoni. Spjega li huwa appella kemm-il darba lill-Pulizija f’Malta biex tinvestigah iżda skont Delia ħadd ma kkuntattjah.

Dwar il-futur tiegħu fil-PN, Adrian Delia qal li għandu aktar enerġija. Qal li mill-ġimgħa d-dieħla se jdur għand kull sezzjoni tal-Partit inkluż il-Kumitati Sezzjonali biex fi kliemu jħossu li jistgħu jitkellmu direttament mal-Kap tal-Partit.