Adrian Delia jwiegħed il-vot ħieles fuq temi etiċi u morali

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wiegħed li jagħti l-vot ħieles lid-deputati tiegħu fuq temi etiċi u morali, biex fi kliemu, ħadd ma jħossu mfixkel.
Waqt laqgħa tal-kampanja tiegħu, Adrian Delia qal li jekk ikun elett, wara li l-Grupp Parlamentari jiddeċiedi t-temi li fuqhom se jagħti l-vot ħieles, se jkun qed imur fuq il-Gvern u l-Partit Demokratiku, biex anke huma jiddikjaraw vot ħieles fuq l-istess temi.
L-għan ta’ dan, spjega Dr Delia, huwa li jneħħi l-politika partiġġjana fuq temi etiċi u morali.
Adrian Delia tkellem fuq it-timbri konservattivi u liberali, u timbri oħra li fi kliemu ma jfissru xejn għal Partit Nazzjonalista għax dejjem kien “it-tarka tad-demokrazija, iċ-ċentru tal-ideat li jsawru l-bniedem u l-ħajt ta’ kenn għall-ħaddiem, hu ta’ liema ġeneru hu.”
Fakkar li ħadd ma jista’ jgħid li l-Partit Nazzjonalista hu konservattiv meta kien hu li ġġieled għall-Indipendenza, jew li hu liberali meta l-partit hu mibni fuq politika Demokristjana.
Delia kompla jgħid li “s-saħħa tal-PN dejjem kienet il-kapaċità li jżewweġ id-diversità. Saħaq li “r-rispett reċiproku dejjem kien il-bażi tal-politika tal-PN”. 
Kien hawn li saħaq li jekk ikun elett kap, immedjatament jiftaħ diskussjoni fil-Grupp Parlamentari biex ikun deċiż liema huma t-temi ta’ natura etika u morali li fuqhom il-partit jintrabat li jagħti vot ħieles fil-Parlament.”