Adrian Delia jwieġeb fuq Xarabank

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wieġeb għal diversi mistoqsijiet mingħand l-opinjonisti magħżula mill-programm Xarabank fuq TVM. L-opinjonisti li tagħhom wieġeb il-mistoqsijiet Delia kienu Wayne Hewitt, David Thake, Jeremy J Camilleri, George Tabone u Franco Debono.

Mistoqsi jgħid dak li ħass fil-ġurnata tal-għadd tal-voti mill-preżentatur Peppi Azzopardi, Delia qal li “mhix sensazzjoni sabiħa” li tibda’ tara r-riżultat tat-telfa. Qal li huwa tip ta’ bniedem li jwaħħal fih innifsu iżda imbagħad ftakar fil-voluntiera tal-partit li kienu fis-sala tal-għadd tal-voti u mar isellmilhom. Mistoqsi jgħid jekk hux responsabbiltà tiegħu li jġib l-għaqda fil-partit, Delia ammetta li dan hu dmir tiegħu u qal li għandu jagħmel dan billi jinvolvi aktar nies.

Huwa semma diversi inizjattivi li se jieħu fil-futur qarib biex itejjeb il-qagħda tal-Partit Nazzjonalista. Semma fost l-oħrajn li kull ġimgħa se jiltaqa’ mat-tesserati b’mod strutturat fi gruppi ta’ 40 jew 50 persuna. Semma wkoll li se jilqa’ l-proposta tad-deputat Claudio Grech biex il-grupp parlamentari jkollu aktar riżorsi biex jaħdem u jwassal il-messaġġ tan-nies

Qal ukoll li għas-sena d-dieħla meta l-Partit Nazzjonalista jagħlaq 140 sena, se titlaqqa’ l-Konvenzjoni Ġenerali biex jara jekk il-Partit hux antik jew żagħżugħ.

Mistoqsi jgħid jirreżenjax jekk il-PN ikollu telfa elettorali fl-elezzjoni ġenerali ta’ tliet snin oħra, Adrian Delia wieġeb “Iva”.

“Wayne ejja int ukoll għinna” – Delia

L-attivist Nazzjonalist Wayne Hewitt qal lil Adrian Delia li hu parti mill-problema għax qed iġib firda u mhux jgħaqqad lill-partit. Għal diversi drabi Delia appella lil Wayne li għad għandu ħafna x’joffri lill-Partit Nazzjonalista u għalhekk stiednu biex jgħinu.

“Mill-ewwel ġurnata tellfuk ħafna” – Jeremy J. Camilleri

L-oppinjonist Jeremy Camilleri li ddeskriva lilu nnifsu bħala Laburist aktar mill-Laburisti qal li l-problema primarja ta’ Delia kienet li xi nies ma aċċettawhx mill-ewwel ġurnata li huwa kkontesta fl-elezzjoni għal ħatra ta’ kap tal-Partit Nazzjonalista.

Allegazzjoni li għamel David Thake mingħajr ma ppreżenta provi

Adrian Delia qal li ma jafx li kien hemm offerta monetarja biex David Casa ma jiġi elett. Dan filwaqt li qallu li għandu obbligu biex imur għand il-Pulizija biex huma jinvestigaw.

David Thake allega li sid il-kumpanija 17 Black Yorgen Fenech offra s-somma ta’ €50,000 jekk il-Partit Nazzjonalista ma jeleġġix lil David Casa fil-Parlament Ewropew.

Il-preżentatur Peppi Azzopardi min-naħa tiegħu għamilha ċara lil David Thake li la darba Yorgen Fenech ma kienx preżenti biex jirribatti għandu jitkellem b’aktar attenzjoni, anki minħabba l-fatt li Thake ma ġab l-ebda prova dwar l-allegazzjoni.

“Il-fattur Joseph Muscat tellef lill-PN” – George Tabone

In-negozjant tad-deheb George Tabone qal li l-fattur Joseph Muscat tellef lill-Partit Nazzjonalista. Spjega li l-Partit Nazzjonalista ilu jitlef mill-2009, propja sena mill-ħatra ta’ Mexxej ġdid għal Partit Laburista.

Franco Debono ma jistaqsix lil Delia

L-avukat Franco Debono għażel li ma jistaqxi l-ebda mistoqsija lil Adrian Delia għaliex qal li meta jkollu xi mistoqsija jistaqsih personalment. Qal iżda li l-Partit Nazzjonalista għandu jerġa’ jfittex it-twemmin tiegħu biex b’hekk ikun jista’ jimxi ‘l quddiem. Debono rringrazzja lil eluf ta’ Maltin li jiktbulu u jikkuntatjawh dwar dak li jgħid u li jikteb.