Adrian Delia jrid konsultazzjoni pubblika dwar il-mina

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li dwar il-link permanenti bejn Malta u Għawdex, il-Gvern m’għandux jagħmel kollox kif irid hu jew fl-għama iżda l-ewwel iridu jsiru r-rapporti kollha u jiġu ppubblikati u jkun hemm konsultazzjoni pubblika.

Delia qal dan waqt il-preżentazzjoni tal-kandidati Għawdxin li se jikkontestaw l-elezzjonijiet lokali f’Għawdex. Fisser kif il-Prim Ministru Joseph Muscat nesa li kien il-PN li ħareġ bl-idea u d-direzzjoni ċara dwar il-konnettività bejn Malta u Għawdex.

Saħaq li l-Għawdxin għandhom bżonn ta’ investiment serju fil-konnettività għax il-Gvern baqa’ qatt ma nvesta fir-raba’ vapur u lanqas daħħal il-fast ferry service.

Dwar il-Kunsilli Lokali, Adrian Delia fakkar kif għall-Prim Ministru, il-kunsilli qatt ma kienu ‘super favoriti’. Huwa qal li l-Partit Nazzjonalista kien, għadu u se jibqa’ l-partit tal-kunsilli lokali għaliex kien il-PN li waqqaf il-kunsilli u saħħahom u tagħhom il-poteri u r-responsabbilitajiet u l-fondi matul is-snin.

Huwa fakkar ukoll kif il-Gvern ħassar l-elezzjonijiet tal-Kumitati Amministrattivi fosthom tlieta f’Għawdex, li huma Marsalforn, ix-Xlendi u Santa Luċija li hija klassifikata bħala destinazzjoni ta’ eċċellenza fl-Unjoni Ewropea.