Adrian Delia jiftaħ libell kontra LovinMalta biex iħares ir-reputazzjoni tiegħu

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Dr Adrian Delia fetaħ kawża ta’ libell kontra s-sit elettroniku LovinMalta, wara li ħassu malafamat b’dak li kiteb dwaru l-ġurnalist Tim Diacono.

Skont il-Kap tal-Oppożizzjoni s-sit LovinMalta ppubblika sensiela ta’ alegazzjonijiet mingħajr bażi u malizjużi fil-konfront ta’ Adrian Delia u dan wassal biex il-Kap tal-Oppożizzjoni jirrikorri għall-Qorti sabiex ikun jista’ jnaddaf ismu minn dawn l-allegazzjonijiet. Huwa qal li Tim Diacono għamel diversi allegazzjonijiet moħbija wara sorsi anonimi.

Netnews qal li s-sit Lovin Malta kien ilu jattakka lil Adrian Delia tul dawn l-aħħar xhur u qal li bħala persuna pubblika dejjem laqa’ kritika fil-konfront tiegħu iżda ma jistax iħalli lil min iħammeġ ir-reputazzjoni tiegħu.

Ir-reazzjoni ta’ Chris Peregin

Is-CEO u l-fundatur tas-sit LovinMalta, Chris Peregin f’post fuq facebook qal li huwa kburi li jmexxi grupp ta’ ġurnalisti żgħażagħ li jaraw l-istorja minn kull angolu, jkunu kemm jista’ jkun trasparenti u moħħhom miftuħ.

Huwa qal li meta Adrian Delia ħa t-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista, LovinMalta kienet minn ta’ quddiem biex saħqet li kellu jingħata ċ-ċans imexxi.Illum l-istess partitarji li appoġjawhom dak iż-żmien daru kontrihom u kuntenti li Adrian Delia qed jiftaħ l-libelli kontrihom għax ma jriduhomx jaqsmu l-opinjonjiet u l-analiżi tagħhom.

Peregin temm jgħid li b’dan kollu huma mhux se jieqfu u ħa jkomplu jagħmlu xogħolhom għal dawk li jixtiequ l-aħjar għal pajjiżhom.