Adrian Delia jiltaqa’ mal-klabb tar-regatta ta’ Bormla

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, akkumpanjat mill-Kelliem tal-Oppożizzjoni dwar iż-Żgħażagħ, l-Isport u l-ġlieda kontra l-Obeżità Ryan Callus, kellu kliem ta’ tifħir għall-klabb tar-regatta ta’ Bormla hekk kif dan rebaħ ix-‘shield’ ta’ Jum il-Vitorja għad-19-il darba fl-istorja tiegħu.

Dr Delia tkellem mal-qaddiefa dwar ir-rebħ tal-11-il palju filwaqt li tħaddet ukoll mal-amministrazzjoni tal-klabb tar-regatta ta’ Bormla dwar il-ħidma li saret matul is-snin sabiex il-klabb jerġa’ jsir kompetittiv.

Ġie diskuss kif l-introduzzjoni tat-tiġrijiet li jinvolvu kemm nisa kif ukoll atletli ta’ taħt it-18-il sena, tista’ tgħin sabiex ir-regatta tkompli tikber fil-popolarità. L-interess f’dan l-isport jista’ jkompli jitqanqal bl-introduzzjoni mill-ġdid tal-kampjonat nazzjonali tal-‘indoor rowing’ u bl-involviment ta’ aktar dilettanti tal-qdif.