Adrian Delia jiftaħ it-tielet libell kontra DCG

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fetaħ it-tielet libell fil-konfront tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. L-ewwel libell tressaq fl-24 ta’Awwissu u l-ieħor l-għada.
Fl-aħħar jiem, il-ġurnalista Daphne Caruana Galizia allegat li Delia għandu jew kellu kont f’Jersey fir-Renju Unit, u li mal-14-il sena ilu, kien irċieva fih somom kbar ta’ flus minn prostituzzjoni f’Soho.  Hija allegat li dan il-kont huwa f’isem Marco Barbara, ix-xufier tal-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona.
Adrian Delia ċaħad kull akkuża u qal li l-kont kien ta' klijent li kera l-proprjetà f'Londra lil ħaddieħor u li għamillu kundizzjoni li ma jużahx għal skopijiet mhux xierqa. Sostna li hu qatt ma ħasel flus għax fi kliemu hu kien jagħti biss servizzi legali.
F’konferenza tal-aħbarijiet, nhar is-Sibt li għadda, meta ħabbar li se jagħmel it-tielet libell, Dr Dellia sfida lil Caruana Galizia biex turi l-provi tal-allegazzjonijiet. Żied jgħid li mhux vera li kien l-Università fil-kors mal-Ministru Cardona jew fil-Kulleġġ San Alwiġi.
Saħaq li mhux veru kellu negozju ma’ Marco Barbara u ċaħad li kien miegħu fil-kumitat tal-futbol ta’ Birkirkara. Innega wkoll li ltaqa’ ma’ Frank Mifsud, li skont Caruana Galizia, mexxa organizzazzjoni kriminali f’Soho.
Huwa tenna li Caruana Galizia taf li l-istejjer li ħarġet huma relatati ma’ servizz legali li kien jagħti lill-klijenti tiegħu 20 sena ilu.  Huwa ċaħad ukoll l-istqarrijiet ta’ Caruana Galizia li ltaqa’ mad-Deputat Laburista Edward Zammit Lewis ftit qabel ma tefa’ n-nomina tiegħu u li nnegozja fid-droga.
Dr Delia sostna li dan hu attent ċar biex tinfluwenza proċess elettorali ieħor, kif għamlet fix-xhur l-immgħoddija, u li wasslet biex il-PN iġarrab telfa, li fi kliemu hija l-agħar fl-istorja tal-PN. Tenna li l-għażla hija ċara għal min irid mod ġdid u mhux politika maħmuġa.

Ritratt: arkivji