Adrian Delia jidher quddiem il-Kumitat tal-Etika tal-PN

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia bħalissa qed jidher quddiem il-Kumitat Konsultattiv dwar l-Imġiba Xierqa u Etika tal-PN, fid-dawl tal-allegazzjonijiet mill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia.
Dan ġie kkonfermat ma’ Newsbook.com.mt minn kelliem għall-Partit Nazzjonalista.
Ilbieraħ il-Kunsill Amministrattiv tal-Partit Nazzjonalista ta jumejn ċans lill-Kumitat, biex jagħmel ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu dwar l-allegazzjonijiet fil-konfront tal-kandidatura ta’ Delia.
Il-laqgħa saret wara li l-President tal-Kunsill Amministrattiv rċieva talba mingħand il-Kunsillier Charlot Cassar biex jiddiskuti x’passi għandu jieħu skont l-Istatut, dwar il-kontroversja li nqalgħet fuq Dr Delia.
Fl-aħħar jiem, Caruana Galizia allegat li Delia għandu jew kellu kont f’Jersey fir-Renju Unit, u li mal-14-il sena ilu, kien irċieva fih somom kbar ta’ flus minn prostituzzjoni f’Soho. Hija allegat li dan il-kont huwa f’isem Marco Barbara, ix-xufier tal-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona. Adrian Delia ċaħad kull akkuża u fetaħ tliet libelli kontra l-ġurnalista. Delia qal li l-kont kien ta' klijent li kera l-proprjetà f'Londra lil ħaddieħor u li għamillu kundizzjoni li ma jużahx għal skopijiet mhux xierqa.