Adrian Delia jattendi summit virtwali tal-PPE fuq l-immigrazzjoni

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia llum attenda għal summit virtwali tal-Partit Popolari Ewropew (PPE) fejn fost it-temi li ġew diskussi kien hemm ukoll l-immigrazzjoni irregolari u l-proposti li ressqet il-Kummissjoni Ewropea f’dan ir-rigward.

Adrian Delia qal li jeħtieġ li jkollna proċessi ġodda u mgħaġġla biex nevitaw li persuni jeħlu fl-Ewropa għal bosta snin mingħajr ma jkunu jistgħu jiġu mibgħuta lura. Dan meta 60% tal-persuni kollha li m’għandhom dritt għall-ażil qatt ma jintbagħtu lura, u dan iwassal għal problemi soċjali u faqar. 

Dr Delia qal li hekk kif illum il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat il-proposti tagħha għandu jkun hemm responsabbiltà u solidarjetà reali Ewropea, speċjalment b’politika soda għal dawk li ma jingħatawx dritt għall-ażil. Dan meta għall-ewwel darba hemm rikonoxximent legali li kull pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea għandu jġorr parti mir-responsabbilta’, għaliex l-ebda pajjiż ma jista’ jġorr dan il-piż waħdu. Huwa qal li għandu jkollna sistema ta’ solidarjeta’ Ewropea reali fejn l-ebda pajjiż ma jonqos milli jġorr parti minn din ir-responsabbilta’, f’forma ta’ rilokazzjoni bejn il-pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea lil dak li jingħataw il-protezzjoni u r-ritorn ta’ dawk li m’humiex eliġibbli għall-ażil.

Huwa qal li jinsab kuntent li wara li kien wiegħed li se jaħdem sabiex pajjiżna jingħata solidarjeta’ reali tal-Unjoni Ewropea fl-immigrazzjoni, u wara li kien kiteb personalment lill-President tal-PPE Joseph Daul, u f’April li għadda kellu laqgħa virtwali mal-Kummissarju Ewropew għall-Ewropew għall-Immigrazzjoni Ylva Johansson, il-ħtieġa tas-solidarjeta’ u tqassim tar-responsabbilta’ tal-persuni eleġibbli għall-ażil ittellgħet fuq l-aġenda.

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia rringrazzja lill-Membru tal-Parlament Ewropew tal-PN Robert Metsola, li hija wkoll il-Kelliema tal-PPE għal-Libertajiet Ċivili, l-Ġustizzja u l-Intern, għall-ħidma tagħha dwar l-immigrazzjoni fil-livell Ewropew.