Filmat: MPs tal-PN jiltaqgħu mal-President wara li ltaqa’ ma’ Adrian Delia

Aġġornat 08:54 PM

L-MPs jiltaqgħu mal-President fil-Palazz Sant'Anton

Posted by Newsbook.com.mt on Thursday, July 9, 2020

Read in English.

Għadd ta’ Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista qed jiltaqgħu mal-President George Vella fil-Palazz Sant’Anton wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia attenda għal laqgħa mal-President f’Ħ’Attard.

L-ewwel laqgħa ġiet ikkonfermata ma’ Newsbook.com.mt minn kelliem għall-Partit Nazzjonalista.

Il-laqgħa ta’ Delia damet madwar siegħa, sas-6.30pm. Newsbook.com.mt huwa infurmat li kien Delia stess li talab li ssir din il-laqgħa.

Il-Membri Parlamentari li ntlemħu fil-Palazz huma Ivan J. Bartolo, Beppe Fenech Adami u Hermann Schiavone. Waslu wkoll Karl Gouder u Jason Azzopardi flimkien, kif ukoll Mario De Marco.

Sorsi infurmaw lil Newsbook.com.mt li tmien persuni b’kollox daħlu biex jiltaqgħu mal-President, inklużi d-Deputati Claudette Buttigieg u Chris Said. Is-sorsi qegħdin jgħidu li llum jaf ma jattendux aktar Membri Parlamentari għal laqgħat mal-President Vella. De Marco, li kien l-aħħar MP li ntlemaħ dieħel il-Palazz Sant’Anton, ħareġ mil-laqgħa għall-ħabta tat-8.30pm.

Ftit tal-ħin qabel, il-President kellu laqgħa ta’ madwar siegħa mal-MPs Claudette Buttigieg u Chris Said, li ressqu l-isem ta’ Therese Comidini Cachia sabiex hi ssir il-Kap tal-Oppożizzjoni l-ġdid.

Din il-ġimgħa Delia ġie sfiduċjat minn 19-il Membru Parlamentari tal-PN waqt vot sigriet f’laqgħa tal-Grupp Parlamentari tal-PN fid-Dar Ċentrali f’Tal-Pietà. 11-il MP urew fiduċja fih. Il-mozzjoni ta’ sfiduċja f’Delia tressqet minn Chris Said u ġiet sekondata minn Comodini Cachia nnifisha.

Wara dan ir-riżultat, Delia insista li huwa beħsiebu jibqa’ Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista, għaliex it-tesserati eleġġew lilu.

Filmati: Monique Agius