Adrian Delia fil-Parlament qabel il-Ġimgħa

L-għada tal-elezzjoni każwali fuq is-seba’ distrett, jiġifieri nhar l-Erbgħa, il-Prim Ministru Joseph Muscat mistenni jressaq mozzjoni biex il-Parlament jaċċetta l-co-option tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia.
Għada se tkun qed issir l-elezzjoni każwali, wara li d-Deputat Jean-Pierre Debono rriżenja biex iċedi s-siġġu lil Dr Delia. Il-kandidati li għandhom l-ikbar ċans li jiġu eletti kienu ddikjaraw li se jċedu s-siġġu lill-Kap tal-PN biex eventwalment isir Kap tal-Oppożizzjoni.
Waqt l-ewwel seduta tal-Kumitat Parlamentari għax-Xogħol tal-Kamra, li saret illum, ġiet diskussa l-co-option ta’ Adrian Delia.
Il-Whip tal-Partit Nazzjonalista, David Agius, qal li l-intenzjoni hi li wara li jiġi elett il-kandidat nazzjonalista bl-elezzjoni każwali, dan jindirizza lill-Parlament waqt is-sessjoni ta’ għada u immedjatament joffri r-riżenja lill-Ispeaker.
Imbagħad tkun tista’ ssir il-co-option mill-Partit Nazzjonalista.
Chris Fearne, Byron Camilleri u anke Edward Zammit Lewis, li kienu qed jirrappreżentaw lill-Partit Laburista, qablu li jinqabeż il-perjodu stabbilit ta’ tlett ijiem għall-co-option, u l-Prim Ministru jippreżenta l-mozzjoni waqt is-seduta tal-Erbgħa.
Min-naħa tiegħu, l-Ispeaker Anġlu Farrugia qal li jekk il-Parlament jirċievi riżultat uffiċjali għada, ma jsibx oġġezzjoni biex id-Deputat elett jieħu l-ġurament għada stess.
Midja lokali rrappurtat li hemm ċans li Adrian Delia jieħu l-ġurament ta’ Kap tal-Oppożizzjoni nhar il-Ġimgħa li ġej. Iżda issa jidher li l-ġurament jista’ jittieħed qabel.
Minn analiżi li għamel Newsbook.com.mt, il-probabbiltà hi li jitla’ Sam Abela, li waqa’ meta kellu 1,733 vot. Jidher li għada Abela jieħu lura l-voti li kienu trasferiti lil Debono. Kandidat ieħor huwa Antoine Borg. Dan iżda baqa’ mdendel u f’każ ta’ elezzjoni każwali dan ikun ta’ żvantaġġ għax il-kandidati l-oħra ma jkunux ħadu mill-voti tiegħu.
Newsbook.com.mt kien spjega li-akbar vantaġġ għal Delia fuq dan id-distrett huwa li kemm Antoine Borg kif ukoll Sam Abela, diġà stqarrew pubblikament li jekk jitilgħu huma mill-ewwel, iċedu l-post tagħhom lill-Kap tal-Partit.
Din l-analiżi ġiet ikkonfermata l-għada, bir-riżenja ta’ Jean-Pierre Debono.