Adrian Delia dwar pagi, kirjiet u l-għoli tal-ħajja

Il-Kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia wiegħed li l-pagi, il-kirjiet u l-għoli tal-ħajja se jkunu fuq nett tal-aġenda tal-Partit Nazzjonalista jekk ikun elett kap.
Waqt konferenza fi Skate Park fl-Imsida, Adrian Delia ntrabat li l-Oppożizzjoni mmexxija minnu tagħmel analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni tal-familji u li din tkun aġġornata kull sena.
Spjega li dan bil-għan li l-Oppożizzjoni tkun tista’ tmur il-Parlament bl-informazzjoni f’idha u tipproteġi lil dawk li fi kliemu mhux fqar imma lanqas ma huma komdi kif “iridna naħsbu l-Gvern.”
Delia qal ukoll li l-analiżi tal-baġit ta’ kull sena tkun tinkludi miżuri speċifiċi li jissalvagwardjaw lil dawk li mhux ilaħħqu bil-paga biss.
Ippropona riforma fit-taxxa li jħallsu l-familji li jikru, inċentivi aħjar għal min jixtri l-ewwel dar, programmi ta’ family planning u għajnuna aħjar lil min idur b’xi ħadd fil-bżonn.
Qal li jekk ikun elett lest jidħol minn issa f’diskussjonijiet mal-Ministri biex jekk proposti jistgħu jseħħu llum, ifittxu jidħlu fis-seħħ.
Fl-aħħar jiem, Delia ltaqa’ wkoll mal-ħaddiema tad-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista u talabhom skuża għal meta l-Partit ma apprezzax biżżejjed is-sagrifiċċji li jagħmlu. 
Fost proposti oħra fakkar li hu jrid riforma fil-midja tal-partit biex din issir vijabbli fi żmien tliet snin.