Filmat: “Imweġġa’ u rrabjat imma mhu se naqta’ qalbi qatt” – Adrian Delia

Messaġġ mill-Kap tal-PN Adrian Delia. 🇲🇹

Messaġġ mill-Kap tal-PN Adrian Delia. 🇲🇹

Posted by Adrian Delia on Thursday, July 9, 2020

Read in English.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista llejla għamel indirizz wara ġurnata b’diversi żviluppi rigward it-taqlib politiku fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. Stqarr li jinsab imweġġa’ u rrabjat imma beħsiebu jibqa’ jipprova jimmodernizza l-Partit Nazzjonalista, ġaladarba għandu l-fiduċja tat-tesserati li eleġġewh.

Delia spjega xi ddiskuta mal-President George Vella waqt il-laqgħa tagħhom illum.

Huwa saħaq li kulħadd irid jerfa’ r-responsabbiltà tiegħu. Kull deputat li javviċina lill-President irid jiddeċiedi jekk iridx li l-Kap tal-PN jibqa’ l-Kap tal-Oppożizzjoni. Huwa insista li hu ta kelmtu lit-tesserati li jkun il-Kap tagħhom, u stqarr, “Jien m’jien se nittradihom qatt. Se nibqa’ leali, sal-aħħar, lejn it-tesserati tagħna.”

Wara li 19-il membru parlamentari tal-PN ressqu vot ta’ sfiduċja f’Delia bħala Kap din il-ġimgħa, illum, l-MPs Claudette Buttigieg u Chris Said marru l-Palazz tal-President sabiex jinfurmawh li m’għadhomx jirrikonoxxu lil Delia bħala Kap tal-Oppożizzjoni, u minfloku, qegħdin jinnominaw lil Therese Comodini Cachia.

Delia mbagħad iltaqa’ mal-President. Wara din il-laqgħa, bdew jaslu l-Palazz għadd ta’ Membri Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista.

Illejla quddiem id-Dar Ċentrali tal-PN inġabru għadd ta’ partitarji biex juru l-appoġġ tagħhom lejn Adrian Delia.

Delia spjega illi, “l-istatut tal-PN jipprovdi li huwa l-kap tal-PN li għandu jkun l-Kap tal-Oppożizzjoni meta l-partit ikun fl-oppożizzjoni u l-Prim Ministru meta l-partit ikun fil-gvern. Għamilt referenza għal dak li tgħid il-kostituzzjoni tagħna, l-Artiklu 90 Sub-Artiklu 2(a) illi jgħid speċifikament li għandu jkun l-kap tal-partit tal-akbar grupp fl-oppożizzjoni illi jkun l-Kap tal-Oppożizzjoni. Saret referenza wkoll għal artiklu ieħor tal-kostituzzjoni, l-artiklu 90 Sub-Artiklu 4 illi jgħid però li jekk l-Kap tal-Oppożizzjoni ma jibqax igawdi l-fiduċja, jista’ jitneħħa minn Kap tal-Oppożizzjoni.”

Żied jgħid li, “F’din l-istanza, il-President imbagħad ikollu jirrikorri jerġa’ għal Artiklu 90 Sub-Artiklu 2 u li għandu jkun l-Kap tal-Partit li jkun l-Kap tal-Oppożizzjoni. Dan ifisser illi filwaqt jitnieda l-proċess biex l-President jivverifika huwiex minnu jew le li hemm 17-il deputat li sal-lum ipoġġu man-naħa tal-Partit Nazzjonalista humiex se jkomplu fil-bankijiet tal-oppożizzjoni f’isem il-PN, u allura għandhomx il-fiduċja fil-Kap tal-Oppożizzjoni.”

B’referenza għal Comodini Cachia, Delia qal li mhux minnu li hi se ssir Kap tal-Oppożizzjoni, imma l-Kap kien u għadu hu.

Hu u ħiereġ mid-Dar Ċentrali, Delia ntlaqa’ minn ċapċip u briju.

Posted by Newsbook.com.mt on Thursday, July 9, 2020

Ftit minuti qabel il-konferenza, Delia ħareġ stqarrija fuq Facebook li fiha qal li kien u għadu Kap tal-Oppożizzjoni.

Qal li jinsab imweġġa’ u rrabjat li xi nies daru kontrih u ħolqu ostakli mill-mod ġdid li prova jintroduċi fil-Partit Nazzjonalista. Madankollu, Delia wera ċertezza li huwa jibqa’ fit-tmun tal-Partit Nazzjonalista, bil-għan li jgħaqqad lin-nies u lill-Partit. Qal ukoll li “se jittieħdu azzjonijiet fil-ħin opportun u fi ħdan l-istrutturi tal-partit.”

Jien għadni l-Kap tal-Partit u l-Kap tal-Oppożizzjoni, għalik.Sibna quddiemna żminijiet diffiċli, żminijiet iebsa li…

Posted by Adrian Delia on Thursday, July 9, 2020

L-indirizz tiegħu Delia temmu billi qal, “Dan mhux l-mument ta’ battibekki interni, jew li nkunu avversarji ta’ xulxin. Lanqas huwa l-mument illi l-avversarju tagħna huwa xi partit jew ieħor; l-avversarju tagħna hija l-kriminalità li ħakmet lill-Gvern. Dan mhux il-mument tal-PN, dan huwa l-mument tal-Maltin kollha. Agħmlu dak li il-kuxjenza tagħkom temmnu li ħa jwassal biex pajjiżna jitmexxa aħjar; għax ilkoll jixirqilna Malta aħjar.”