Adrian Delia bl-ewwel laqgħat fi Brussell bħala Kap Nazzjonalista

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia kellu numru ta’ laqgħat fi Brussell fejn iltaqa’ fost l-oħrajn mal-President tal-Partit Popolari Ewropew Joseph Daul, il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans u ma’ numru ta’ mexxejja Ewropej.
Fil-kummenti tiegħu wara s-Summit tal-Partit Popolari Ewropew, Adrian Delia qal li r-relazzjoni tajba mal-Partit Popolari Ewropew waslet biex fil-Parlament Ewropew ingħelbet mozzjoni tal-Partit Soċjalista Ewropew li kienet issejjaħ biex Malta tiġi msemmija bħala ‘tax haven’.
Fi stqarrija fi tmiem is-Summit tal-PPE li sar fi Brussell, il-Partit Nazzjonalista qal li jgawdi minn rispett mill-membri tal-Partit Popolari Ewropew.
Adrian Delia qal li sab appoġġ mill-kapijiet l-oħra tal-PPE u qal li ħa l-okkażjoni biex Malta jibqa’ jkollha s-sostenn li teħtieġ fl-Ewropea.
Qal li dan kien Summit kostruttiv u l-Partit Nazzjonalista ta l-kontribut tiegħu b’mod partikolari fuq it-temi tal-Brexit u tal-immigrazzjoni, żewġ oqsma li jolqtu lil Malta b’mod dirett.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista iltaqa’ mal-ewwel darba mal-President tal-PPE Joseph Daul fejn flimkien iddiskutew program ta’ koperazzjoni bi tħejjija għall-Elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew li ġejjin.
F’laqgħa oħra, din id-darba mal-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Frans Timmermans, il-Kap Nazzjonalista tkellem dwar dak li qed jiġri f’Malta bħalissa u l-konsegwenzi li dan jista’ jħalli.