Adrian Delia bir-raba’ libell; MT b’allegazzjonijiet ġodda

Il-kandidat għall-Kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia fetaħ ir-raba’ libell fil-konfront tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. Dan żvelatu l-gazzetta The Malta Independent. Fl-istess waqt il-Maltatoday toħroġ aktar allegazzjonijiet. 
Skont Dr Delia, l-erba' artikli li dehru lbieraħ fis-sit ta' Caruana Galizia huma qarrieqa, libellużi u malafamanti.
Dr Delia ressaq l-ewwel libell fil-konfront ta’ Caruana Galizia nhar l-24 ta’ Awwissu u ieħor l-għada. Dawn iż-żewġ libelli mistennija jibdew jistemgħu fil-25 ta’ Settembru, wara li tkun saret l-elezzjoni għall-Kap tal-PN. 
Fl-aħħar jiem, Caruana Galizia allegat li Delia għandu jew kellu kont f’Jersey fir-Renju Unit, u li mal-14-il sena ilu, kien irċieva fih somom kbar ta’ flus minn prostituzzjoni f’Soho. Hija allegat li dan il-kont huwa f’isem Marco Barbara, ix-xufier tal-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona. Adrian Delia ċaħad kull akkuża u fetaħ tliet libelli kontra l-ġurnalista. Delia qal li l-kont kien ta' klijent li kera l-proprjetà f'Londra lil ħaddieħor u li għamillu kundizzjoni li ma jużahx għal skopijiet mhux xierqa.
Il-Malta Today b’allegazzjonijiet ġodda
Il-gazzetta Malta Today qalet li Adrian Delia kien direttur ta’ Healey Properties Limitied, il-kumpanija li hija sidt il-propjetà li tinsab 52, Greek Street, f’Londra. Din il-proprjetà kienet ingħatat rejd mill-pulizija waqt investigazzjoni b’rabta ma’ prostituzzjoni.
MT tgħid li rat dokumenti li juru li din il-kumpanija, li hi rreġistrata fil-Bahamas, aċċettat ir-riżenja ta’ Dr Delia u tal-Ministru għall-Ekonomija Chris Cardona, minn Diretturi. 
Il-gazzetta żvelat li dan id-dokument, li jġib id-data tat-2 ta’ Diċembru, 2003, kien iffirmat minn Dr Delia biss.
Huma kienu ġew sostitwiti minn diretturi minn żewġ kumpaniji, waħda irreġistrata r-Renju Unit u l-oħra fil-British Virgin Islands.