Adidas jolqtu l-lasta, ma jilħqux il-miri stabbiliti

Il-kumpanija Ġermaniża Adidas li hija magħrufa għall-bejgħ ta’ prodotti sportivi, irrapurtat riżultati diżappuntanti fit-tieni kwart ta’ din is-sena. Minkejja dan, il-kumpanija qed tbassar li għandha tirkurpra fit-tieni nofs tas-sena b’iktar bejgħ fl-Ewropa u bit-tisħieħ ta’ wieħed mill-brands tagħha, Reebok.

Fil-ftuħ tas-swieq matul il-ġurnata tal-ħamis, l-ishma ta’ Adidas esperjenzaw tnaqqis ta’ 1 fil-mija hekk kif saru magħrufa dawn ir-riżultati. Iċ-ċifri urew li l-bejgħ fit-tieni kwart tal-2019 żdied b’4 fil-mija iżda ma kienx biżżejjed biex jintlaħqu l-miri mixtieqa. Madanakollu is-CEO tal-kumpanija, Kasper Rorsted stqarr mal-mezzi tax-xandir li huma soddisfatti ħafna bir-riżultati għaliex huwa mbassar li fl-aħħar sitt xhur tas-sena se jkun hemm żieda fil-bejgħ tal-prodotti li jġorru l-marka tal-Adidas.

Dwar l-andament ekonomiku internazzjonali, Kasper qal, li t-tensjonijiet fuq it-tariffi bejn l-Istati Uniti u ċ-Ċina jaf ikollhom impatt importanti fuq ir-riżultati tas-settur, partikolarment jekk il-munita Ċiniża tiddgħajjef fil-valur, dan għaliex 25 fil-mija tas-suq ta’ Adidas jinsab fiċ-Ċina. Skont Kasper Rorsted, battalja oħra bejn l-Amerka u ċ-Ċina din id-darba fuq il-valur tal-muniti se twassal għal sitwazzjoni ta’ telf għal kulħadd.

Il-Malasja tressaq proċeduri kriminali kontra d-diretturi ta’ Goldman Sachs

Il-Malasja fetħet proċeduri kriminali kontra 17-il persuna li servew jew għadhom iservu, bħala diretturi tas-sussidjarji ta’ Goldman Sachs Group  fil-pajjiż. Dawn l-akkużi qed isiru bħala parti minn investigazzjoni fuq korruzzjoni ta’ biljuni ta’ dollari marbutin mal-fond tal-istat magħruf bħala il- 1MDB. Dawn l-akkużi qed jitresssqu mill-Avukat Ġenerali Tommy Thomas taħt l-Att dwar is-Swieq Kapitali u s-Servizzi.

Intant Goldman Sachs qed tiċħad li wettqet xi attivitajiet illegali u stqarriet li se tkun qed tiddefendi isem il-Bank u l-uffiċċjali tagħha li qed ikunu mixlija b’dawn l-akkużi. Goldman Sachs allegat li membri li kienu jagħmlu parti mill-gvern tal-Malasja kienu gidbu u qarrqu lill-uffiċċjali tagħha.

Żieda fl-importazzjoni fil-Ġermanja matul Ġunju

Statistika maħruġa mill-Uffiċċju Federali tal-Istatistika Ġermaniż juru li l-importazzjoni żdiedet iktar milli mistenni, filwaqt li kien hemm tnaqqis fl-esportazzjoni. Iċ-ċifri juru li l-esportazzjoni naqset b’ 0.1 fil-mija filwaqt li l-importazzjoni żdiedet b 0.5 fil-mija.  Id-differenza bejn l-importazzjoni u l-esportazzjoni kienet ta’ 18.1 biljun ewro, ħarira inqas minn dik imbassra ta’ 18.6 biljuni ta’ ewro.

Dan l-artiklu huwa miġjub lilkom minn MPM Capital Investments Ltd – www.mpmci.net , Tel. 21493250. Għal aktar tagħrif jew informazzjoni ibgħatilna email fuq info@mpmci.net 

L-informazzjoni u l-ħsibijiet inklużi fl-artiklu huma provduti għal skop ta’ edukazzjoni u informazzjoni biss u m’għandhomx jiġu kkunsidrati bħala parir ta’ investiment.