ADHD: Espert f’Malta biex jgħin fl-istudju dwar il-mediċini

46415829 - child writing adhd on blackboard. adhd is attention deficit hyperactivity disorder.

Bħalissa hawn f’Malta espert kliniku dwar mediċini tal-ADHD li qed jara pazjenti Maltin u jiddiskuti ma’ konsulenti mediċi lokali. Dan ħabbru l-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne fi Tweet.

Fearne spjega li l-espert kliniku li ġej mis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa Ingliż ġie mqabbad jagħmel dan mid-Dipartiment tas-Saħħa. Fearne qal li l-espert illum beda jara pazjenti u jiddiskuti ma’ konsulenti mediċi lokali sabiex eventwalment, id-dipartiment ikun jista’ jipproċedi skont il-parir espert li jingħata.

Aqra: Il-Ministeru għas-Saħħa jordna studju dwar il-mediċini għall-ADHD

L-Attention Deficit Hyperactivity Disorder (ADHD) hija kundizzjoni fil-moħħ li għandha effett dirett fuq il-partijiet li jikkontrollaw kemm wieħed jikkonċentra u kif persuna ġġib ruħha.

F’Marzu, il-Ministeru għas-Saħħa kien qal li beda studju indipendenti dwar il-mediċina branded għall-ADHD. Ma’ Newsbook.com.mt, kelliema għall-Ministeru qalet li ma kienx hemm evidenza ta’ xi reazzjoni ħażina għall-mediċina ġenerika li qed tingħata f’Malta u fl-Unjoni Ewropea.

Il-Ministeru kkummissjona l-istudju indipendenti bl-appoġġ ta’ esperti internazzjonali dwar it-trattament għall-ADHD fuq is-suq internazzjonali.

Reċentament, petizzjoni li bdiet ADHD Malta talbet lill-Gvern biex jieqaf jilgħab bil-mediċini għall-ADHD b’referenza għall-mediċini ġeneriċi li issa jinabu fl-iskema tal-Pharmacy of Your Choice (POYC).

Pamela Muscat, il-President tal-ADHD Malta qalet waqt intervista fuq RTK103FM li dawk li huma affettwati mill-ADHD ma għandhomx għażla meta jirrikorru għall-mediċina neċessarja mill-Ispiżerija tal-Għażla Tiegħek (POYC). Muscat spjegat kif dawn qed jingħataw mediċina ġenerika li mhix effettiva.

Aqra: Filmat: ‘Ma għandniex għażla ta’ mediċina għall-ADHD mill-POYC’

Skont MedicineNet, mediċini ġeneriċi huma kopji ta’ mediċini ‘tad-ditta’ li għandhom l-istess doża, użu, effetti, side effects, mod ta’ amministrazzjoni, riskji, sigurtà, u saħħa daqs il-mediċina oriġinali. Fi kliem ieħor, l-effetti farmakoloġiċi taż-żewġ mediċini huma l-istess eżatt.