Addotta annimal biex tikkura d-depressjoni

Studju ġdid juri li l-annimali addottati jistgħu jikkuraw id-depressjoni. Fi spazju ta’ 12 il-ġimgħa mill-addozzjoni, is-sintomi tad-depressjoni jonqsu b’mod qawwi fost dawk li ma jirrispondux għat-trattament bit-terapija u l-mediċina.

L-istudju Portugiż jispjega li waħda mir-raġunijiet tista’ tkun li l-annimali jġiegħlu lill-bniedem jiġġieled waħda mis-sintomi tad-depressjoni – dik li persuna ma tibqax tieħu gost tagħmel attivitajiet li qabel kienet issibhom ta’ sodisfazzjon, fosthom l-eżerċizzju, il-passatempi u l-laqgħat soċjali ma’ persuni oħra.

Jinnutaw li l-klieb b’mod speċjali jistgħu inaqqsu d-depressjoni għax jisfurzaw lin-nies ikunu fiżikament attivi u jħeġġuhom jieħdu sehem f’sitwazzjonijiet soċjali differenti mis-soltu. L-irġiel u n-nisa bid-depressjoni juru titjib indaqs fil-kundizzjoni tagħhom wara li jaddottaw annimal.
Jikkonkludu li jkun ħafna aħjar li persuni tagħmel bidliet żgħar fl-istil tal-ħajja tagħha milli tieħu l-mediċini biex tikkontrolla kundizzjonijiet bħal dawn.
Riċerka oħra ppublikata fi Frar li għadda kkonkludiet li meta persuna tiekol il-frott u l-ħaxix, tnaqqas ir-risku tad-depressjoni b’10%. Dan għaliex l-ikel frisk joffri benefiċċji għas-saħħa mentali billi jtejjeb il-burdata, jagħti iktar enerġija u jgħin lill-persuna taħseb b’moħħ iktar ċar.