Addijo parti mit-tfulija…is-Sagħtar

Diċembru 2015 se jkun l-aħħar xahar li se jara r-rivista Sagħtar wara 44 sena ta’ pubblikazzjoni. Ir-rivista mhux se tibqa’ toħroġ minħabba raġunijiet finanzjarji.
Rappreżentant tal-Unjin tal-Għalliema, l-MUT, li għandha r-responsabbiltà ta’ din ir-rivista, qal li “kienet deċiżjoni diffiċli, iżda Sagħtar twaqqaf sakemm l-unjin tevalwa x’jista’ jsir fil-futur qrib.”
L-MUT qed tniedi proċess ta’ konsultazzjoni mal-qarrejja u ma’ kull min għandu għal qalbu l-qari bil-Malti, biex tifhem aħjar x’kienu jaħsbu dwar ir-rivista u x’jixtiequ minn Sagħtar tal-futur.
L-unjin qed tappella biex il-pubbliku jimla l-kwestjonarju sal-aħħar ta’ Jannar li ġej.
Sagħtar bdiet toħroġ mill-Moviment Qawmien Letterarju fl-1971 u fl-1976 ħaditha f’idha l-MUT bil-koperazzjoni tad-Diviżjoni tal-Edukazzjoni.
Fuq Facebook, Ġorġ Mallia, wieħed mill-produtturi tar-rivista matul is-snin, qal li “din hi telfa għat-tagħlim tal-lingwa u l-kultura, u li b’daqsxejn lateral thinking kien hemm modi kif din il-ġawhra ma kinitx tispiċċa kif spiċċat.”