Addattament televiżiv tan-novella Il-Ħadd ta’ Immanuel Mifsud

It-tielet episodju mis-sensiela Storja ta’ Storja se jkun qed jixxandar illejla fis-7.15pm fuq TVM. Dan it-tielet programm se jitratta lil Immanuel Mifsud, l-awtur ta’ ġabriet ta’ stejjer qosra, rumanzi, kotba ta’ poeżija u r-rebbieħ tal-Premju tal-Unjoni Ewropea għal-Letteratura bil-ktieb Fl-Isem tal-Missier (u tal-Iben).

L-episodju jinkludi wkoll adattament tan-novella ta’ Mifsud, Il-Ħadd mill-ktieb Stejjer li ma Kellhomx Jinkitbu (Klabb Kotba Maltin, 2008).

Storja ta’ Storja hija sensiela televiżiva ta’ dokudrama li tħares lejn il-ħajja u x-xogħol ta’ tmien awturi rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb bil-għan li tippromwovi l-letteratura Maltija. Storja ta’ Storja hija produzzjoni tal-kumpanija awdjoviżiva Sajjetta, imtella’ bis-sapport tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Kull episodju mis-sensiela jittella’ fuq il-Youtube tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb wara li jixxandar fuq TVM.

Repetizzjoni tal-episodju tal-lum tixxandar il-Ħamis fit-8.15pm fuq TVM2.