Adattament televiżiv tan-novella Lily ta’ Clare Azzopardi

Clare Azzopardi

Ir-raba’ episodju mis-sensiela Storja ta’ Storja li se tixxandar illum fuq TVM fis-7.15pm jlaqqagħna mal-awtur ta’ numru ta’ kotba għat-tfal u għall-kbar, Clare Azzopardi, u jinkludi drammatizzazzjoni tan-novella Lily mill-ġabra ta’ stejjer Kulħadd ħalla isem warajh (Merlin Publishers, 2014).

Storja ta’ Storja hija serje televiżiva ta’ dokudrama li tħares lejn il-ħajja u x-xogħol ta’ tmien awturi rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb. Il-kittieba l-oħra li jidhru f’dis-sensiela huma Loranne Vella, Alfred Sant, Immanuel Mifsud, Alex Vella Gera, Lou Drofenik, Maria Grech Ganado u Walid Nabhan.

Storja ta’ Storja hija produzzjoni tal-kumpanija awdjoviżiva Sajjetta, imtella’ bis-sapport tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb.

Xena minn Lily, waqt Storja ta’ Storja

Dan l-episodju jkollu repetizzjoni l-Ħamis ta’ wara fit-8.15pm fuq TVM2.