AD xettika dwar it-tbassir ta’ żieda fil-GDP u tnaqqis fl-inflazzjoni

Alternattiva Demokratika laqgħet b’sodisfazzjon il-wegħda ta’ responsabbiltà fiskali u riformi favur it-tkabbir tal-ekonomija u s-suq tax-xogħol, fid-dokument ta’ qabel il-baġit.

Iċ-Chairperson  ta’ Alternattiva Demokratika, il-Prof. Arnold Cassola qal li minkejja dan, Alternattiva hija xettika dwar it-tbassir ta’ żieda fil-Prodott Gross Domestiku u t-tnaqqis tal-inflazzjoni fis-sentejn li ġejjin.

Żied jgħid li r-riċessjoni fiż-żona ewro u l-possibiltà ta’ kunflitt imminenti fis-Sirja, jistgħu faċilment jaffettwaw l-ekonomija Maltija li s’issa baqgħet pjuttost stabbli.

B'reazzjoni għall-istqarrija tal-Ministru tal-Finanzi dwar it-tnaqqis ta' impiegi fis-settur pubbliku, Alternattiva Demokratika tfakkar x'ġara f'pajjiżi Ewropej li addottaw politika ta' tnaqqis fl-infieq u li llum sabu rwieħhom fi problemi finanzjarji kbar.

Issostni li tnaqqis fl-infieq fuq skala kbira ifisser tkeċċija ta' nies mix-xogħol, inqas domanda ghal oġġetti u servizzi, l-ekonomija tiċkien, inqas dħul mit-taxxi u għalhekk deficits ikbar fil-baġit.