AD tistaqsi dwar il-ftehim mal-Libja dwar iż-żejt

Alternattiva Demokratika tistaqsi x’inhuma t-termini u l-kundizzjonijiet tal-ftehim bejn il-Gvern Malti u l-Libja dwar prodotti taż-żejt u gass.

Il-Kelliem tal-AD dwar l-industrija, it-trasport u l-enerġija Ralph Cassar saħaq fuq il-bżonn li Malta tnaqqas id-dipendenza fuq iż-żejt u żżid il-produzzjoni ta’ enerġija nadifa.

Żied jgħid li l-mixja lejn il-gass għall-produzzjoni tal-elettriku hija pożittiva, iżda l-prijorità għandha tkun li mhux biss nilħqu iżda naqbżu l-miri tal-Unjoni Ewropea ta’ enerġija nadifa.

Huwa spjega kif dan mhux biss minħabba l-aspetti ta’ saħħa u l-ambjent, iżda anke għax ekonomikament Malta jaqblilha.

Saħaq li huwa importanti wkoll li jkollna politika serja fil-qasam tat-trasport minħabba li t-traffiku qed joħloq ħafna problemi ta’ mard serju.