AD tisħaq fuq l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-ġustizzja soċjali

Alternattiva Demokratika sostniet li l-Politika Soċjali trid tkun mibnija fuq l-ugwaljanza, l-inklużjoni u l-ġustizzja soċjali. Waqt konferenza stampa, Alternattiva Demokratika reġgħet saħqet fuq l-importanza ta’ proposti bħaż-żieda fil-paga minima, iż-żieda fil-leave tal-ġenituri u servizzi universali ta’ ħarsien tat-tfal.

Iċ-chairperson ta’ Alternattiva Demokratika Michael Briguglio sostna li s-soċjetà ċivili għandu jkollha sehem dirett fis-sistema tal-welfare. Intqal li jeħtieġ li ċ-ċittadini jkollhom opportunitajiet u drittijiet indaqs u li jgawdu minn politika soċjali attiva u protezzjoni soċjali robusta. Michael Briguglio sostna li l-istat soċjali għandu jgħin lin-nies jemanċipaw irwieħhom filwaqt li jiżgura li ħadd ma jgħix fil-faqar u li tiġi evitata l-prekarjetà.

Alternattiva Demokratika sostniet li biex ikun hawn aktar ugwaljana fil-familji tagħna, jeħtieġ aktar miżuri favur il-familja fosthom li l-leave tal-ġenituri għandu jiġi mtawwal għal 20 ġimgħa. AD temmen ukoll li l-paga minima għandha tiżdied anke għall-ħaddiema part-time u kuntrattwali.