AD tilqa’ d-disponibiltà tad-Dumnikani għal sit ieħor

Alternattiva Demokratika laqgħet l-istqarrija tal-Patrijiet Dumnikani lbieraħ, b’mod partikolari d-disponibiltà tal-ordni li tirriloka l-iskola St Albert mis-sit ta’ Ħal Għaxaq.
Il-patrijiet ilbieraħ sostnew li mhux ġust li wieħed iqabbel iċ-ċaqlieq tal-iskola mill-Belt għal Ħal Għaxaq, mal-proġett tal-università Amerikana fiż-Żonqor għaliex kienu mitluba mill-awtoritajiet tal-edukazzjoni biex jiċċaqilqu bl-iskola minħabba li dik tal-Belt ma kinitx għadha tirrispetta r-rekwiżiti minimi ta’ spazju; il-fatt li proċess ta’ rilokazzjoni beda 15-il sena ilu; u li s-sit intagħżel fuq bażi ta’ ftehim bejn il-Knisja u l-Gvern wara evalwazzjoni ta’ 20 sit differenti fuq sentejn sħaħ.
Iċ-Chairperson ta’ AD, Arnold Cassola, qal li jilqa’ b’sodisfazzjon id-disponibiltà tad-Dumnikani li l-iskola ssir f’sit ieħor mhux dak f’Ħal Għaxaq waqt li appella lill-Gvern biex, bi “prijorità urġenti”, jidentifika medda art diġà disturbata biex fuqha tinbena l-iskola l-ġdida.