​AD tħeġġeġ lill-Gvern biex jippubblika l-inkjesta kollha dwar Bezzina

Iċ-Chairperson ta’ AD Arnold Cassola qed iħeġġeġ lill-Gvern u lill-ġurnali l-Orizzont u l-gazzetta KullĦadd biex jippubblikaw l-inkjesta kollha, mhux biss partijiet minnha, biex wieħed isir jaf il-verità kollha.
Dan b’rabta ma’ inkjesta li saret dwar l-allegazzjoni li d-deputat Nazzjonalista Toni Bezzina ġiegħel ħaddiema tal-Gvern jiffirmaw dikjarazzjonijiet foloz. Toni Bezzina tenna li l-allegazzjonijiet fil-konfront tiegħu mhumiex veri u dwar dan fetaħ kawża ta’ libell fil-Qorti.
AD qed tinsisti li hu biss permezz tat-trasparenza li wieħed isir jaf x’seħħ verament.
Min-naħa tiegħu l-PL tenna li l-Kap tal-Oppożizzjoni għażel li jiddefendi lid-deputat tiegħu fl-ewwel okkażjoni li kellu biex jitkellem dwaru. Il-PL qed jinsisti li Simon Busuttil ma jistax jittieħed bis-serjetà għax mhux ikun responsabbli u mhux jaġixxi dwar dan il-każ.
Iktar kmieni llum, meta mistoqsi mill-ġurnalisti għal reazzjoni, il-Kap tal-Oppożizzjoni appella biex wieħed jistenna l-eżitu tal-kawża ta’ libell li Bezzina fetaħ kontra l-mezzi tal-istampa tal-Partit Laburista.